Il-PN Jisħaq Li Bidla Fil-Gvern Tkun Sinjal B’Saħħtu Lill-Komunità Internazzjonali Biex Noħorġu Mil-Lista L-Griża’ F’3 Xhur

 Il-PN Jisħaq Li Bidla Fil-Gvern Tkun Sinjal B’Saħħtu Lill-Komunità Internazzjonali Biex Noħorġu Mil-Lista L-Griża’ F’3 Xhur

“Il-Gvern qed jitfa’ l-piżijiet tal-lista l-griża fuq in-negozju u l-konsumatur Malti. Gvern ġdid Nazzjonalista jtaffi dawn il-piżijiet b’interventi settorjali u billi joħroġ lil Malta mil-lista l-griża fi żmien tliet xhur.”

Dan qaluh il-Kelliem Ewlieni tal-PN Peter Agius u l-President tal-Kunsill Amministrattiv u l-Kandidat Graham Benċini f’konferenza stampa llum minn quddiem il-Malta Business Registry fiż-Żejtun.

Huma qalu li n-negozju Malti qed iħallas bl-għoli b’piżijiet burokratiċi miżjuda u t-telf tal-fiduċja minħabba l-lista l-griża. “Is-self-employed, l-importatur, il-professjonist u kull min jixtri jew ibiegħ propjetà qed jintlaqat b’diversi piżijiet ġodda.”

Il-Kelliema tal-PN qalu li l-banek qegħdin fl-għama dwar il-lista l-griża u l-perkors biex noħorġu minnha. Intqal li l-Gvern mhuwiex jikkomunika la mal-banek u lanqas mal-operaturi finanzjarji oħra u lanqas mal-kmamar tal-kummerċ jew is-sħab soċjali.

Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet l-Kelliema tal-PN taw numru ta’ soluzzjonijiet li l-PN se jkun qed jagħmel jekk ikun fil-Gvern.

Intqal li ladarba jkun hemm bidla fil-Gvern dan jkun ifisser ‘change of management’ li jkun l-aktar sinjal b’saħħtu lill-komunità internazzjonali u li ser jippermetti, flimkien ma’ ħidma mal-operaturi u fil-livell tekniku, li Malta tkun tista’ tressaq il-każ tagħha biex terġa’ tkun fuq il-lista l-bajda wara tliet xhur mill-elezzjoni.

Il-PN qal li se jkun qed jitwaqqaf unit tal-Gvern li jittratta l-kontrolli tad-due diligence b’mod li dan il-piż jinqasam mal-awtorità pubblika u b’mod li kull min ibigħ jew jixtri propjetà kif ukoll in-nutara u l-banek ikollhom ċertezza legali u struttura li tgħinhom jaċċertaw il-kontrolli neċessarji b’anqas riskju.

Intqal li Gvern ġdid Nazzjonalista jara wkoll li r-reġistru tal-kumpaniji jkun aġġornat u li r-rekords disponibbli online jkunu prova biżżejjed għal kull fini flok jgħabbi n-negozju bl-ispejjeż ta’ burokrazija ġdida.

Il-PN qed jassigura wkoll li jkun hemm djalogu kontinwu dwar it-tisħiħ u ż-żamma tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna mal-operaturi fis-setturi kollha milquta inkluż il-Banek, il-professjonisti inkluż Accountants, Nutara u operaturi oħra kif ukoll ir-rappreżentanti tan-negozju Malti inkluż il-Kmamar tal-Kummerċ.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com