Il-PN Jwiegħed Biljun Ewro Biex Jinħolqu 10 Setturi Industrijali Ġodda
Fl-ewwel attività tal-Partit Nazzjonalista li fetħet il-kampanja elettorali, l-Kap tal-PN Bernard Grech ħabbar li Gvern ġdid Nazzjonalista jibda jaħdem mill-ewwel jum biex joħloq 10 setturi industrijali ġodda. Huwa qal li għal dan, il-Gvern se jalloka biljun ewro.
“Ser niġu għandkom b’kampanja pożittiva li tnissel tama ġdid f’pajjiżna. Dan huwa l-mument tal-Maltin biex niktbu flimkien paġna ġdida fejn nimxu ‘l quddiem fil-paċi u l-prosperita’,” tenna Bernard Grech.
“Għalhekk Miegħek. Għal xogħol aħjar, għal opportunitajiet usa għal kulħadd.”
Il-Kap tal-PN waqt ir-rally quddiem Id-Dar Ċentrali qal li l-Gvern mhux talli ma kkreax setturi ekonomiċi ġodda, iżda poġġa f’riskju s-setturi li ħloqna aħna, bħas-servizzi finanzjarji, gaming, settur marittimu u ICT, bil-greylisting, bil-ħela u l-korruzzjoni.
Grech saħaq li jrid pajjiż li jkun magħruf bħala post fejn kulħadd jieħu gost jgħix fih, “fejn tabilħaqq nifhmu xi tfisser kwalità tal-ħajja, dik li nsibu bilanċ xieraq mal-ambjent.”
“Tħallu lil ħadd jgħidilkom li dan hu impossibbli. Kull kisba tidher impossibbli sakemm tintlaħaq.”
Bernard Grech semma wkoll li hija gidba vvintata mill-Partit Laburista li huwa mhux ser jikkontesta kontra Robert Abela fuq il-ħames distrett. “Bdew bl-ewwel gidba tal-kampanja elettorali. Qed jinkwieta! Serraħ rasek Robert Abela, jien se nibqa’ nikkontesta l-5 u l-11-il distrett. Se nikkontesthom b’konvinzjoni mhux bħalek b’konvenjenza. Dawn arma waħda biss baqalhom, il-gideb.”
“Temmnuhomx meta jgħidulkom li l-politiċi huma kollha l-istess,” qal Bernard Grech, filwaqt li temm jgħid li l-politiċi Nazzjonalisti huma “differenti bil-provi.”
“Ejjew ningħaqdu lkoll, miegħek għal Malta!”, għalaq id-diskors tiegħu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.