Il-President George Vella Jappella Biex Il-Politika Titwettaq B’Kuxjenza Għall-Ġid Tan-Nies

 Il-President George Vella Jappella Biex Il-Politika Titwettaq B’Kuxjenza Għall-Ġid Tan-Nies

Il-President George Vella appella biex il-politika titħaddem għall-ġid tan-nies. Waqt it-tnedija tal-ktieb ‘Kollox Politika? Governanza, Reliġjon, Ekonomija, Amministrazzjoni Pubblika’, miktub minn Dr Mario Thomas Vassallo, il-President stqarr li l-politika ma teżistix f’vakwu. Fid-diskors tiegħu, il-President irrefera għall-problemi etiċi, morali u ta’ kuxjenza li jaffaċċja l-politiku fl-implimentazzjoni tal-politika.

Il-President qal li l-politika hija l-arti tat-tmexxija li tista’ tkun magħmula tajjeb u tagħti riżultati tajbin, iżda tista’ tkun magħmula bi traskuraġni, jew intenzjonalment ħażina. Saħaq fuq l-integrità, il-valuri, il-kontabilità u t-trasparenza fil-politika.

Il-President esprima apprezzament li l-ktieb, li jiġbor fih il-ħsibijiet ta’ 25 akkademiku u kontributur, ilkoll esperti fil-qasam tagħhom, inkiteb bil-Malti – xhieda li l-lingwa Maltija tista’ titħaddem tajjeb f’oqsma differenti u tekniċi bħalma hija x-xjenza politika.

Il-President saħaq fuq l-importanza li l-akkademiċi jgħallmu politika korretta, imma daqstant ieħor importanti li l-politiċi jimplimentaw il-politika b’kuxjenza.

Il-ktieb jiffoka fost l-oħrajn fuq l-istorja politika, mudelli ekonomiċi, perspettivi soċjoloġiċi, kontribuzzjonijiet dwar l-Iżlam u t-tagħlim soċjali tal-Knisja, it-tiġdid fl-amministrazzjoni pubblika, u l-governanza.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com