Il-President Iħeġġeġ Lill-Periti Jiżguraw Il-Ġid Komuni Aktar Milli Gwadann Fiż-Żmien Immedjat
Il-President ta’ Malta George Vella attenda l-Malta Architecture and Spatial Planning Awards 2021, organizzati mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Fl-indirizz tiegħu, il-President appella lil dawk kollha li jaħdmu f’dan il-qasam biex ma jinjorawx il-parametri stabbiliti, kemm jekk strutturali, estetiċi, funzjonali jew ambjentali, u ħeġġiġhom jiżviluppawhom aktar u jżommuhom rilevanti għall-ħtiġijiet attwali.
Filwaqt li fakkar lill-periti li huma mhumiex biss periti tal-bini iżda wkoll periti tal-benesseri taċ-ċittadini, il-President ħeġġiġhom iżommu f’moħħhom li l-arkitettura kontemporanja hija l-wirt li se jħallu lill-ġenerazzjonijiet tal-futur.
Il-President irrimarka li l-periti, l-inġiniera, id-disinjaturi, l-amministraturi u l-leġiżlaturi, fl-oqsma rispettivi tagħhom, għandhom id-dmir li jiżguraw li fil-prattika ta’ kuljum tagħhom iżommu quddiem għajnejhom il-ġid komuni aktar milli kwalunkwe gwadann fl-immedjat li fuq perjodu ta’ żmien itwal ikun ta’ benefiċċju biss għall-interessi personali u settorjali. Żied jgħid li dan il-ħsieb u din il-metodoloġija japplikaw għall-proġetti kollha.
“Is-sottomissjonijiet kollha għal dan il-premju huma xhieda li huwa possibbli li tinstab armonija bejn l-estetika, il-funzjoni, il-forma, l-innovazzjoni, l-effiċjenza, il-prestazzjoni u l-prattikalità ta’ kull disinn, filwaqt li jiġi rispettat l-ambjent naturali, mibni jew storiku tal-madwar,” qal il-President.
Filwaqt li feraħ lin-nominati u lir-rebbieħa kollha, il-President ħeġġiġhom jaħsbu dwar il-futur u awguralhom li l-proġetti tagħhom isebbħu l-madwar u jnisslu sens ta’ kburija.
Fil-bidu tal-avveniment, il-President tenna l-kundanna tiegħu għall-azzjoni militari u l-agressjoni fl-Ukrajna. Fl-ewwel okkażjoni li jitkellem fil-pubbliku mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna, il-President irrakkomanda li d-diskussjoni terġa’ lura madwar il-mejda u li tiġi segwita t-triq tad-diplomazija. Huwa appella biex inżommu f’moħħna lill-poplu Ukren u t-tbatija li għaddej minnha.
Ritratti: DOI