Il-President Iżur Il-Kamra Tal-Kummerċ

 Il-President Iżur Il-Kamra Tal-Kummerċ

Il-President George Vella żar il-Kamra tal-Kummerċ fejn ġie milqugħ mill-President tal-Kamra Marisa Xuereb u mill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv Marthese Portelli.

Waqt iż-żjara, il-President Vella kellu taħdidiet mar-rappreżentanti tal-kamra fuq numru ta’ suġġetti u oqsma li jmissu mas-settur kummerċjali ta’ pajjiżna. Fuq quddiem kien hemm l-impatt tal-COVID fuq l-ekonomija Maltija u l-konsegwenzi għat-tul li ġabet magħha il-pandemija fuq livell dinji, u s-setturi tat-trasport internazzjonali u l-provvista u l-prezz tal-enerġija, anke fid-dawl tal-aħħar żviluppi, u t-taqlib fuq ix-xena globali.

It-taħdidiet indirizzaw ukoll l-irwol tal-edukazzjoni fit-tkabbir ekonomiku u kif dan il-qasam jolqot b’mod dirett is-setturi tal-kummerċ u tal-investiment. Temi oħra li ġew indirizzati kienu l-iżvilupp u l-ħarsien tal-ambjent, il-qasam tal-media, riformi li daħlu fis-seħħ u oħrajn li għaddej xogħol fuqhom. Fost l-oħrajn issemmew tibdiliet riċenti li għandhom x’jaqsmu ma’ ħatriet ta’ karigi kostituzzjonali kif ukoll ir-riforma tal-Kostituzzjoni.

F’kummenti wara ż-żjara, il-President George Vella radd ħajr lill-Kamra tal-Kummerċ għall-mod mirqum u studjat li bih tressqu suġġerimenti u proposti. Huwa żied li f’ċirkostanzi diffiċli bħal dawk li ġabet magħha il-pandemija, il-Kamra ta-Kummerċ għandha l-kapaċità u l-għodda meħtieġa li bihom tkompli tagħti kontribut tanġibbli għat-tisħiħ tal-pajjiż.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com