Il-President Jappella Għal Soċjetà Inklussiva Li Tħares Id-Drittijiet Ta’ Kulħadd

 Il-President Jappella Għal Soċjetà Inklussiva Li Tħares Id-Drittijiet Ta’ Kulħadd

Il-President George Vella qal li s-soċjetà tkun tassew inklussiva meta tħares lejn id-drittijiet ta’ kull persuna sabiex b’hekk jingħeleb il-mod kif inħarsu lejn id-diżabilitajiet u joħorġu l-abbiltajiet ta’ kulħadd. Fit-tnedija ta’ pubblikazzjoni li tfakkar il-ħamsin sena mit-twaqqif tal-Fondazzjoni Maltija ta’ Organizzazzjonijiet għall-Persuni b’Diżabilità (MFOPD), il-President qal li l-għan aħħari ta’ kull min hu attiv f’dan il-qasam hu li l-persuni b’diżabilità jgħixu ħajja indipendenti u li jkollhom id-dritt jagħżlu x’jagħmlu f’ħajjithom. Saħaq li mhux kull diżabilità tagħmlek dipendenti.

Il-President qal li f’dinja li qed tiżviluppa l-ħin kollu, ma nistgħu qatt ngħidu li wasalna għax dejjem hemm xi jsir jew x’jittejjeb. Fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, il-President esprima l-fehma li din se tgħin biex fit-tmien snin li ġejjin, il-persuni b’abbiltajiet differenti jħossuhom li jagħmlu parti sħiħa mis-soċjetà. Żied li bil-għan li dan iseħħ għandu jkun hemm sinerġija fil-ħidma tal-Gvern flimkien mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Fondazzjoni Maltija ta’ Organizzazzjonijiet għall-Persuni b’Diżabilità. Il-President qal li b’dan il-mod, bħala pajjiż, inkunu nistgħu nilħqu l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli, li huma parti essenzjali mill-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Magħquda u l-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.

Il-President irrikonoxxa l-ħidma tal-Fondazzjoni Maltija ta’ Organizzazzjonijiet għall-Persuni b’Diżabilità biex il-persuni ta’ abbiltajiet differenti jingħataw id-dinjità, ir-rispett, u d-drittijiet kollha.

Il-Fondazzjoni Maltija ta’ Organizzazzjonijiet għall-Persuni b’Diżabilità llum hija magħmula minn 34 għaqda, u hija membru f’numru ta’ għaqdiet internazzjonali inkluż fuq livell Ewropew u tal-Commonwealth, li jaħdmu fil-qasam tad-diżabilità.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com