Il-President Jilmenta Dwar Prezzijiet Esaġerati Tal-Mediċini Ta’ Kontra L-Kanċer
Fil-Jum Dinji kontra l-Kanċer, il-President George Vella ħa sehem f’konferenza diġitali organizzata min-National Cancer Platform.
Il-President irrikonoxxa l-avvanzi li saru fil-prevenzjoni, id-dijanjosi bikrija u l-kura kontra l-kanċer. Huwa tkellem dwar l-isfortuna li l-mediċini kontra l-kanċer qed jinbiegħu bi prezzijiet esaġerati, tant li kieku ma tingħatax għajnuna mill-gvernijiet jew minn organizzazzjonijiet volontarji, ma jkunux jistgħu jiġu wżati.
Dwar in-National Cancer Platform, il-President stqarr li l-fatt, “Li f’pajjiżna għandna daqshekk għaqdiet volontarji li jinteressahom joffru għajnuna lil ħutna milquta minn din il-marda qerrieda, huwa sinjal sabiħ ta’ kemm il-Maltin għandhom qalbhom taf tħenn”.
Il-President irringrazzja lil dawk kollha li volontarjament jaħdmu fl-għaqdiet rispettivi kif ukoll lill-poplu Malti li ma joqgħodx lura milli jgħin.
Il-President żied jgħid li l-ebda pazjent m’għandu jaħseb li jinstab waħdu u awgura li konferenza bħal din terġa’ titfa’ fostna sens ta’ għaqda u rieda ta’ ħidma konġunta fil-konfront tal-marda tal-kanċer.