“Il-Proġett Tal-Marina F’Marsaskala Ser Jieqaf Immedjatament” – Il-PM Robert Abela
“Wara li smajna t-tħassib tan-nies dwar il-proġett tal-Marina fil-bajja ta’ Wied il-Għajn, li kienet identifikata fil-pjani lokali tal-2006 biex fiha ssir Marina, illum nista’ nħabbar li dan il-proġett tal-Marina ser jieqaf minnufih.”
Dan ħabbru l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Dr Robert Abela waqt intervista f’Marsaskala.
Robert Abela ħabbar ukoll li jekk il-poplu jagħtih il-fiduċja, fl-ewwel mitt ġurnata ta’ leġiżlatura ġdida, ser tingħata lura lill-poplu l-art ġewwa ż-Żonqor, li fiha kien ħa jsir l-estenżjoni tal-AUM. Ħabbar ukoll li beda l-proċess sabiex l-impjant ta’ riċiklaġġ f’Wied il-Għajn jingħalaq. “Dan ser ifisser 20,000 metru kwadru ieħor ta’ spazju aħdar għar-residenti ta’ Wied il-Għajn u l-poplu kollhu.”
Robert Abela kkonkluda li “l-għażla tan-nies fis-26 ta’ Marzu għanda tkun bbażata fuq it-tema Malta Flimkien għaliex hekk jixraq lill-familji u lill-ħaddiema tagħna. F’din il-kampanja elettorali nixtieq nara rispett lejn xulxin. Ma nixtieqx nara firda f’dan il-poplu tant għażiż għalina. Illejla erġajna urejna li ninsabu man-nies u ser nibqgħu man-nies. Għandna futur sabiħ għal pajjiżna u għalhekk Malta flimkien, il-futur sabiħ.”
“Id-deċiżjoni ta’ Robert Abela tal-lejla hija waħda ta’ konvenjenza” – Il-Partit Nazzjonalista
F’reazzjoni għal dak li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela, l-Partit Nazzjonalista jifraħ mal-poplu ta’ Wied il-Għajn u ma’ kull min jiffrekwenta l-bajja ta’ Wied il-Għajn.
Il-PN saħaq li Robert Abela kellu jagħmel u turn wara xhur ta’ indeċiżjoni u sfidi quddiem protesti leġittimi.
“Id-deċiżjoni ta’ Robert Abela tal-lejla hija waħda ta’ konvenjenza u turi li Robert Abela huwa maqtugħ min-nies li ilhom xhur juruh li ma jaqblux ma’dan il-pjan u kien biss il-fatt li ninsabu lejliet l-elezzjoni ġenerali li wassal biex Abela biddel il-pożizzjoni tiegħu,” tenna l-PN fl-istqarrija tiegħu.
“Dan hu episodju ieħor fejn anke mill-Oppożizzjoni l-Partit Nazzjonalista għamel id-differenza,” temm jgħid il-PN.