Illum Nagħtu Bidu Għal-Karnival Ta’ Malta – Din Is-Sena Se Jkun Iċċelebrat Darbtejn
Matul il-lejl li għadda għadd ta’ karrijiet żgħar ħarġu mill-imħażen tagħhom u rħewlha għal postijiet differenti fil-Belt Valletta, il-Ħamrun u l-Marsa fejn matul dawn il-ħamest ijiem li ġejjien ikunu esibiti għall-pubbliku b’mod statiku.
Din is-sena minħabba ir-restrizzjonijiet tal-pandemija l-programm tal-Karnival kellu jkun ridott u differenti minn dak li konna mdorrijin niċċelebraw matul is-snin ta’ qabel il-pandemija. Però Festivals Malta ħadet ħsib li tagħmel programm interessanti u sabiex f’dan iż-żmien ikun iċċelebrat xorta waħda skond il-protokolli.
Fil-fatt apparti il-karrijiet statiċi f’diversi postijiet se jkun hemm ukoll attivitajiet artistiċi oħra bħal Qarċilla, li se tkun qed tittella’ fi Spazju Kreattiv, il-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt Valletta.
Apparti minn hekk fil-Kavallier ta’ San Ġakbu wieħed jista’ jsib ukoll esebizzjoni ta’ kostumi tal-Karnival, kif ukoll esebizzjoni ta’ ritratti verament sbieħ b’rabta mal-Karnival.
Dawn fost attivitajiet kulturali oħra li qed jkunu organizzati fosthom fit-Teatru Manoel, fir-Rabat u f’Ta’ Qali Craft Village.
Għal aktar dettalji fuq l-attivitajiet kollha tistgħu tidħlu hawn.
Din is-sena l-Karnival se jkun qed isir darbtejn, hekk kif barra l-Karnival ta’ Frar, li se jsir b’mod ridott, għal din is-sena biss se jkun qed isir Karnival kif nafuh b’mod normali, bħal qabel il-pandemija, bejn l-20 u 22 ta’ Mejju li ġej.