Imħabbar Il-Ġirasol Community Hub Għal Persuni B’Diżabilità

 Imħabbar Il-Ġirasol Community Hub Għal Persuni B’Diżabilità

Is-servizz ta’ community hub fit-Tramuntana ta’ Malta għal persuni b’diżabilità, li kien tħabbar fil-budget għal din is-sena, se jsir f’Tal-Virtù, ir-Rabat, hekk kif ġie identifikat il-Ġirasol Community Hub li qed isir b’investiment ta’ kważi nofs miljun ewro fuq medda ta’ ħames snin.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli, li spjegat li l-objettiv numru 10 tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità, li jistabbilixxi li fejn hu possibbli l-persuni b’diżabilità għandhom jgħixu bl-aktar mod indipendenti fil-komunitajiet tagħna.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli spjegat li sal-aħħar ta’ din is-sena, il-Ġirasol Community Hub se jservi bħala l-ewwel community hub f’Malta fejn persuni b’diżabilità jistgħu jirċievu taħriġ speċjalizzat fuq aspetti diversi li għandhom x’jaqsmu mal-għajxien indipendenti.

Il-binja tinsab lesta u fadal biss xogħlijiet li permezz tagħhom dan il-post se jsir aktar aċċessibbli u adekwat għal persuni b’diżabilità li se jkunu qed jibbenefikaw minn dan is-servizz, inklużi dawk b’diffikultajiet ta’ mobilità. Diġà ġew sottomessi l-pjanti tal-post lill-Awtorità tal-Ippjanar bil-proposti ta’ kif irid jitranġa skont l-esiġenzi tas-servizz.

Fl-istess waqt, għaddejjin ukoll preparamenti biex fost l-oħrajn tinxtara l-għamara ħalli l-post ikun mgħammar u attrezzat bil-faċilitajiet kollha li hemm bżonn skont il-ħtiġijiet tas-servizz u tal-persuni b’diżabilità.

Dan il-proġett se jgħin lil Aġenzija Sapport biex twassal programmi ta’ għajxien indipendenti lill-persuni b’diżabilità li jagħmlu użu mis-servizzi fil-komunità, speċjalment dawk li minħabba raġunijiet partikolari, ma jkunx possibbli li jirċievu dawn il-programmi f’darhom.

Minn dan il-proġett mistenni li jibbenefikaw mal-40 persuna b’diżabilità li se jingħataw iċ-ċans li jakkwistaw ħiliet ġodda u jkunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti fil-komunitajiet fejn trabbew.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Ruth Sciberras, irreferiet għal dan il-proġett bħala mudell li se jagħti kunċett ġdid fil-qasam tal-provediment tas-servizzi bbażati fil-komunità lil persuni b’diżabilità f’Malta.

“Dan l-investiment mhux biss se jsir fil-binja minn fejn se nkunu qed inwasslu dan it-taħriġ dwar għajxien indipendenti, iżda wkoll se jkun investiment fil-persuni nfushom għax permezz ta’ dawn is-sessjonijiet f’dan l-ambjent aċċessibbli u modern, dawn se jkunu qed jitgħallmu ħiliet ġodda li permezz tagħhom se jkunu jistgħu jgħixu b’mod inklussiv fil-komunità”.

Is-Segretarju Permanenti Matthew Vella qal li importanti li dejjem inpoġġu lill-persuna fiċ-ċentru tal-ħidma li ssir ħalli tkun tista’ tisfrutta l-potenzjal tagħha u tilħaq l-aspirazzjonijiet u l-ħolm tagħha. Hu faħħar il-ħidma ta’ Aġenzija Sapport fl-implimentazzjoni b’mod konkret tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità u qal li permezz ta’ dan il-hub, il-persuni b’diżabilità se jkunu jistgħu jkomplu jgħixu fil-komunitajiet rispettivi tagħhom filwaqt li jkunu indipendenti.

Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus faħħar il-ħidma li qed issir minn Aġenzija Sapport u min-naħa tal-gvern biex jitwettqu proġetti bħal dawn li huma vera inklussivi, filwaqt li qal li l-Kunsill Lokali tar-Rabat se jara li jkun ta’ eżempju għal lokalitajiet oħra fejn għandha x’taqsam l-inklużjoni u fit-tħaddim ta’ din il-politika tal-gvern fil-livell tal-lokalità.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com