Imħabbra Skemi Ta’ Għajnuna Lill-Għaqdiet Volontarji U Lill-Għaqdiet Sportivi F’Għawdex

 Imħabbra Skemi Ta’ Għajnuna Lill-Għaqdiet Volontarji U Lill-Għaqdiet Sportivi F’Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri għal sena oħra nieda żewġ skemi biex ikunu sostnuti l-ħidma u l-operat tal-għaqdiet volontarji u l-għaqdiet sportivi li huma bbażati f’Għawdex.

Il-Ministru Camilleri ħabbar li din is-sena l-Ministeru għal Għawdex qed jerġa’ jalloka €120,000 għall-Iskema ta’ Assistenza għall-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi tal-Ministeru għal Għawdex u €75,000 għall-Iskema ta’ Promozzjoni ta’ Inizjattivi u Faċilitajiet Sportivi. Huwa spjega li, “Dawn l-iskemi huma intiżi biex il-Ministeru għal Għawdex jassisti lill-għaqdiet volontarji li jkunu se jimplimentaw xi proġett, avveniment jew iwettqu xi inizjattiva b’risq il-komunità Għawdxija u biex isaħħu u jagħtu sostenn lill-volontarjat f’Għawdex.”

F’kull skema l-għajnuna finanzjara li tingħata hija rifużjoni tal-ispejjeż minfuqa. Għal din is-sena ġie deċiż li  tinħareġ sejħa għall-proposti fil-bidu tas-sena u jekk tinħass il-ħtieġa, abbażi d-domanda mis-settur, tinħareġ sejħa oħra matul is-sena. Barra minn hekk, l-għaqdiet volontarji se jingħataw il-fakultà li jwettqu l-proġett jew inizjattiva tagħhom fi żmien 12-il xahar mid-data tal-ftehim ta’ għotja.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stieden lill-għaqdiet volontarji biex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom fis-sejħiet il-ġodda. Huwa qal li l-għajnuna li qed tkun allokata, kemm permezz ta’ dawn l-iskemi kif ukoll permezz ta’ kwalunkwe skemi oħra li jamministra l-Ministeru, hija sinjal ċar ta’ fiduċja fil-ħidma volontarja f’Għawdex u fil-persuni li jsawru l-għaqdiet u li jaħdmu bla heda u mingħajr interessi.

Matul is-sena l-oħra, il-fondi allokati kienu ta’ sostenn effettiv għas-settur tal-volontarjat sabiex il-ħidma tagħhom baqgħet għaddejja. Għall-Iskema ta’ Assistenza għall-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi tal-Ministeru għal Għawdex tas-sena 2021 applikaw madwar 18-il għaqda volontarja u ġew allokati madwar €90,000. Għall-Iskema ta’ Promozzjoni ta’ Inizjattivi u Faċilitajiet Sportivi tas-sena 2021 kien hemm disa’ applikanti li bejniethom ħadu madwar €45,000.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li għalkemm matul il-pandemija, bosta mill-attivitajiet tħassru jew saru b’mod limitat għall-pubbliku, is-settur tal-volontarjat xorta kompla bil-ħidma tiegħu speċjalment fl-oqsma tas-servizzi u l-appoġġ fis-soċjetà.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com