Imnedija L-Logħob Tal-Pajjiżi Ż-Żgħar Li Se Jsiru F’Malta S-Sena D-Dieħla
Waqt ċerimonja li saret fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, tnedew il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’Malta bejn it-28 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju tas-sena d-dieħla. Din hija t-tielet darba li Malta qiegħda tospita dawn il-logħob mill-bidu tagħhom fl-1985.
Għal dawn il-logħob mistenni jkun hawn Malta ’l fuq minn 1,200 parteċipant u uffiċjal mill-istati żgħar Ewropej, jikkompetu f’għadd ta’ dixxiplini sportivi fosthom atletika, basketball, judo, rugby 7’s, ibburdjar, sparar, squash, għawm, table tennis u tennis.
“Il-Gvern huwa kburi mhux biss għaliex avveniment sportiv prestiġjuż se jsir f’pajjiżna, imma wkoll għaliex din hija t-tielet darba li dawn il-logħob qed isiru f’Malta,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima. Huwa qal li, “Il-Gvern huwa kburi li qed jagħti l-appoġġ kollu lil dan is-settur, mhux l-inqas lil dawn il-logħob. Investejna kemm fl-infrastruttura sportiva, li qed ngħolluha għal livell internazzjonali, imma għall-ewwel darba investejna wkoll fir-riżorsi umani”.
Il-Ministru Grima kien qed jirreferi għal €5 miljun li għaddew lil SportMalta biex fost oħrajn ikun faċilitat it-taħriġ tal-atleti u l-ingaġġ ta’ coaches professjonali.
Matul iċ-ċerimonja xxandar messaġġ tal-Prim Ministru u kienu intervistati diversi personalitajiet marbuta ma’ dawn il-logħob.
Julian Pace Bonello, President tal-Kumitat Olimpiku Malti, qal, “Il-Kumitat Olimpiku Malti ilu jaħdem mill-qrib mal-federazzjonijiet kollha involuti biex jitkattar kemm l-appoġġ kif ukoll biex il-preparazzjonijiet neċessarji jimxu tajjeb, kif fil-fatt qed isir. Għandna tama li dawn il-logħob se jagħmlu lil pajjiżna kburi, kemm għall-organizzazzjoni tagħhom, imma fuq kollox għaliex se jkunu katalist li jkabbar l-interess u jkunu ta’ spirazzjoni għall-atleti futuri biex jibqgħu jaħdmu għall-ħolma sportiva tagħhom”.
Minn kemm ilhom isiru l-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar, l-atleti Maltin kisbu 331 medalja. Fiż-żewġ edizzjonijiet li saru f’pajjiżna, l-atleti kisbu 32 medalja fl-1993 u 44 medalja fl-2003.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta qal li, “Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport, il-Kumitat Olimpiku Malti u Sport Malta qed jaħdmu b’sinerġija kbira bejniethom għal dan l-avveniment sportiv. Il-Kumitat Organizzattiv, esperti fis-settur sportiv u wkoll esperti f’oqsma relatati se jiżguraw li dawn il-logħob ikunu suċċess. Fix-xhur li ġejjin se jkun involut ukoll il-pubbliku b’mod ġenerali sabiex il-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar ikunu avveniment mhux biss għall-isportivi u l-uffiċjali involuti, imma tkun esperjenza li tgawdi minnha s-soċjetà kollha kemm hi”.
Min-naħa tiegħu, Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil tkellem dwar l-opportunitajiet li qed jingħataw l-isportivi, mhux biss fl-isport, imma wkoll permezz tal-investiment kbir li qed isir biex l-infrastruttura sportiva f’pajjiżna tkun riġenerata u tingħata livell internazzjonali. “SportMalta għaddejja b’diversi proġetti li fl-aħħar mill-aħħar mhux biss se jgawdu minnhom l-isportivi, imma wkoll il-pubbliku kollu kemm hu,” qal is-Sur Busuttil.
Iċ-ċerimonja se tintwera fuq TVM News+ nhar il-Ħamis 3 ta’ Frar, fid-20:45p.m.
Ritratti: DOI