Imnedija Żewġ Skemi Ta’ Taħriġ Għall-Organizzazzjonijiet Volontarji B’Investiment Ta’ €40,000

 Imnedija Żewġ Skemi Ta’ Taħriġ Għall-Organizzazzjonijiet Volontarji B’Investiment Ta’ €40,000

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli nediet żewġ inizjattivi ta’ taħriġ għal organizzazzjonijiet volontarji b’investiment ta’ €40,000.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Julia Farrugia Portelli spjegat li l-ewwel inizjattiva hi t-Training Initiatives Scheme, li fl-aħħar sitt snin tat sostenn lill-voluntiera biex dawn setgħu jkomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom fix-xogħol volontarju permezz ta’ aktar għarfien fuq livell personali.

Il-Ministru stqarret li din l-iskema għandha l-għan li tgħolli l-livell ta’ professjonalità fis-servizzi u fl-inizjattivi li jimplimentaw l-organizzazzjonijiet volontarji fil-komunità u għandha żewġ prijoritajiet.

L-ewwel prijorità hi dik li ssostni lil voluntiera individwali li jifformaw parti minn organizzazzjoni volontarja, biex jieħdu t-taħriġ li hu ta’ benefiċċju għalihom, għall-organizzazzjoni volontarja, għal organizzazzjonijiet volontarji oħra u għall-komunità b’mod ġenerali. Għal dan il-għan qegħdin jiġu allokati €12,000.

It-tieni prijorità hi dik li tagħti appoġġ lil organizzazzjonijiet volontarji biex jorganizzaw inizjattivi ta’ taħriġ li jkunu ta’ benefiċċju kemm għall-organizzazzjoni nnifisha, għal organizzazzjonijiet volontarji oħra u għall-komunità b’mod ġenerali. Għal dan il-għan qegħdin jiġu allokati €28,000.

Il-Ministru Farrugia Portelli nediet ukoll inizjattiva oħra li tikkonsisti fi programm ta’ taħriġ li hu parti mill-proġett Inisie. Dan il-proġett, li hu ffinanzjat minn fondi tal-Interreg Malta – Italia se jkun jikkonsisti f’14-il sessjoni ta’ taħriġ għal amministraturi ta’ organizzazzjonijiet volontarji.

Dan it-taħriġ se jingħata wara li l-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju għamel riċerka dwar l-oqsma prinċipali fejn ikun l-aktar benefiċċju li jingħata t-taħriġ. Dawn is-sessjonijiet se jsiru flimkien mal-partijiet ikkonċernati u l-esperti fil-qasam, fosthom mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data, SEM, EUPA, u esperti u professjonisti oħra. Dawn is-suġġetti se jiġu diskussi wkoll mal-organizzazzjonijiet volontarji bħala programm ta’ konsultazzjoni biex itejbu l-ħiliet tagħhom f’ċerta oqsma. Is-sessjonijiet se jsiru bejn Marzu u Ġunju ta’ din is-sena.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas- Settur Volontarju Mauro Pace Parascandalo qal li, “Bħala Kunsill tal-Volontarjat wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħna hu li nsostnu lis-settur mhux biss finanzjarjament, iżda aktar importanti sabiex jikber fil-kapaċità tiegħu permezz ta’ taħriġ kemm għall-amministraturi kif ukoll għall-voluntiera.”

Il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji Jesmond Saliba enfasizza dwar l-importanza li amministraturi ta’ organizzazzjonijiet volontarji jingħataw l-għodda u t-taħriġ neċessarju. Permezz tal-inizjattiva tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju u bl-appoġġ tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, dan l-investiment fl-amministraturi u l-għaqdiet volontarji verament jistgħu jkunu msieħba strateġiċi fil-formulazzjoni ta’ Malta.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com