Investiment Fil-kultura Diġitali – ‘Explore Malta’

 Investiment Fil-kultura Diġitali – ‘Explore Malta’

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera, flimkien maċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Glenn Bedingfield, nieda applikazzjoni diġitali fuq il-pjattaformi tal-iOS u Playstore bl-isem ta’ Explore Malta. Din l-applikazzjoni ser tressaq lill-pubbliku aktar viċin il-wirt kulturali ta’ pajjiżna permezz ta’ gadget li nużaw il-ħin kollu, il-mobile.

Il-Ministru Herrera spjega li ġew investiti madwar €25,000 biex din l-app tibda bħala proġett pilota u għal din l-app intgħażlu 90 sit differenti mill-Kottonera, li jinkludu siti ta’ interess pubbliku kif ukoll storiċi. “Din l-app hija pass ieħor ’il quddiem fl-istrateġija diġitali li qed immexxu fi ħdan il-gvernijiet lokali u l-komunitajiet tagħna,” sostna l-Ministru Herrera.

Il-Ministru Herrera qal li l-mira tal-ministeru huwa li jsaħħu aktar il-potenzjal ta’ din l-application biex tkun fuq bażi nazzjonali, biex b’hekk jissaħħaħ il-wirt kulturali u jiżdied l-għarfien storiku bl-għajnuna tat-teknoloġija.

Ġie spjegat li permezz tat-teknoloġija tal-Bluetooth, l-utent jiġi infurmat b’informazzjoni relatata meta jgħaddi minn quddiem sit storiku jew monument. L-utent jista’ wkoll ibiddel il-lingwa kif jippreferi.

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Glenn Bedingfield qal li twaħħlu madwar 90 Bluetooth beacon madwar il-Kottonera. L-għan ta’ din l-app hu li n-nies li jixtiequ jsiru jafu iktar fuq l-istorja tal-Kottonera jkollhom dan iktar aċċessibbli billi jużaw it-teknoloġija. “L-għan tagħna huwa li nkomplu nżidu iktar postijiet ma’ din il-lista biex iktar bini kulturali tal-Kottonera jkun espost għan-nies filwaqt li n-nies jitgħallmu iktar fuq l-istorja tal-Kottonera li kellha rwol tant importanti fl-istorja ta’ pajjiżna”, qal Glenn Bedingfield.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com