Investiment Ta’ €1.6 Miljuni Għal Ċentru Tas-Saħħa Kompletament Rinovat Fil-Gżira
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u Kommunitajiet Alex Muscat fetħu mill-ġdid iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira li għal dawn l-aħħar xhur kien magħluq biex fih setgħu isiru xogħolijiet strutturali u ta’ rinovazzjoni. L-investiment f’dan iċ-ċentru tas-saħħa kien ta’ €1.6 miljuni, fondi NDSF li jinkludi wkoll magna tal-X-ray ġdida u l-installazzjoni ta’ lift.
Iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira jilqa’ għall-ħtiġijiet primarji tas-saħħa ta’ 95,000 persuna li joqogħdu l-Gżira, Msida, Ta’ Xbiex, Kappara, Sliema, Ibraġġ, San Ġiljan, Pembroke, Swieqi u San Ġwann. F’dan iċ-ċentru se jkunu offruti diversi servizzi, fosthom dak tat-tabib u infermiera, teħid tad-demm, kura tas-saqajn, klinika għad-dijabete, klinika għall-kura tal-għajnejn u klinika għas-saħħa mentali fost oħrajn. Se jkunu qegħdin jiddaħħlu servizzi kompletament ġodda għaċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira, il-well baby clinic, postnatal clinic u servizzi ta’ fiżjoterapija.
Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja lill-ħaddiema tal-FMS u Primary Healthcare li b’ħidma konġunta bejniethom kien possibli li dan ċ-Ċentru tas-Saħħa jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu b’dehra kompletament ġdida u b’numru ferm ikbar ta’ servizzi mogħtija. “Nibqgħu kommessi biex inżidu aktar servizzi fil-komunità qrib in-nies, u dan mhux biss billi nsebbħu u nimmodernizza ċ-Ċentri tas-Saħħa eżistenti, iżda wkoll billi naraw li jkollna berġa f’kull belt jew raħal. Diġà ftaħna 15 minn dawn il-bereġ, b’dik ta’ Marsaskala, Tarxien, Ta’ Giorni u Ħamrun jinsabu fi stadju avvanzat,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li ċ-Ċentru tas-saħħa tal-Ġżira huwa parti minn kullana ta’ investimenti biex inwasslu servizzi ta’ saħħa fil-qalba tal-belt jew raħal u huwa wieħed minn 15-il Ċentru tas-Saħħa li ġew miftuħa madwar Malta u Għawdex, b’investiment ta’ €1.6 miljun. “Dan mhux l-unika investiment li qed nagħmlu fis-saħħa. Qed ninvestu wkoll fil-kunċett ta’ urban greening. Nafu kemm spazji ħodor miftuħa jgħinu kemm is-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali. L-investiment li qed inħabbru llum huwa turija ċara oħra ta’ kif qed noħolqu ġid li qed jasal fil-komunità”, stqarr is-Segretarju Parlamentari Muscat.