Investiment Ta’ €160,000 F’Makkinarju Ġdid Fid-Dipartiment Tal-Ġinekoloġija

 Investiment Ta’ €160,000 F’Makkinarju Ġdid Fid-Dipartiment Tal-Ġinekoloġija

L-Isptar Mater Dei inawgura makkinarju ġdid li se jippermetti testijiet iżjed dettaljati tal-urodynamics, jiġifieri testijiet li jsiru fuq il-pressa tal-bużżieqa tal-awrina. Dan il-makkinarju se jippermetti lit-tobba jaraw b’ għajnejhom kif tkun qed taħdem il-bużżieqa, minflok iserrħu biss fuq riżultati numeriċi u b’hekk se tassisti lit-tobba jiddeċiedu l-kundizzjoni tal-individwu tistax tiġi kkurata bil-mediċina minflok b’operazzjoni.

Waqt l-inawgurazzjoni, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne aċċenna l-importanza ta’ investimenti fl-apparat li jassisti lill-professjonisti tas-saħħa fid-dijanjożi tal-pazjenti. Huwa spjega li l-apparat il-ġdid fid-Dipartiment tal-Ġinekoloġija se jassisti lil dan id-dipartiment isaħħaħ is-servizz ta’ eċċellenza li jingħata lill-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Kap ta’ dan id-Dipartiment, il-Professur Yves Muscat Baron, spjega kif 20% tan-nisa jbatu minn inkontinenza tal-awrina, kemm minħabba raġunijiet ta’ obeżità jew ta’ tqala kif ukoll minħabba bużżieqa tal-awrina nervuża –  li twassal għal skumdità fil-ħajja ta’ kuljum. Huwa fisser kif dan is-servizz jingħata b’mod konġunt ma’ servizz ta’ fiżjoterapija, li flimkien jgħinu lill-pazjenti jegħlbu din il-problema ta’ inkontinenza.

Il-Professur Muscat Baron qal ukoll li bħalissa qed isiru aktar minn dan it-tip ta’ test minn snin preċedenti, sabiex l-Isptar Mater Dei ilaħħaq mad-domanda.

Dan l-investiment jingħaqad mal-magni l-ġodda tal-4D Ultrasounds fl-istess swali tal-Obstetrija u Ġinekoloġija li qed jagħtu l-opportunità lil iżjed ġenituri jaraw b’mod aktar ċar lit-tarbija fil-ġuf waqt il-viżti ta’ matul it-tqala fl-Isptar Mater Dei.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com