Investiment Ta’ €2.5 Miljun Fuq Żewġ Toroq Arterjali Fl-Imqabba
L-aġenzija Infrastructure Malta wettqet xogħlijiet infrastrutturali fuq Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija u Triq il-Belt Valletta, żewġ toroq arterjali fl-Imqabba, b’investiment ta’ €2.5 miljun.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg waqt żjara li saret fejn ġew segwiti x-xogħlijiet li saru fuq dawn it-toroq.
Il-Ministru Ian Borg qal li fl-Imqabba diġà saru madwar 10 toroq oħra residenzjali u rurali u semma li hemm pjanijiet li din il-ħidma tiġi estiża għal aktar toroq f’din il-lokalità.
“Hekk kif ftit tal-jiem ilu ħabbarna li matul is-sena l-oħra saret ħidma fuq 100 triq rurali fl-2021, illum qegħdin hawn naraw il-ħidma tkompli, din id-darba fl-Imqabba. Apparti li komplejna nżidu s-sigurtà f’dawn iż-żewġ toroq arterjali, komplejna nsebbħu ż-żona billi ħawwilna total ta’ 1,620 siġra, arbuxelli u pjanti oħra,” qal il-Ministru.
Is-Sindku tal-Imqabba Omar Farrugia qal, “Matul dawn l-aħħar snin sar investiment mingħajr ebda preċedent fuq it-toroq tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta li għal snin twal kienu minsija. Dawn iż-żewġ toroq prinċipali mill-isbaħ fl-Imqabba huma biss tnejn minn sensiela ta’ investimenti infrastrutturali li saru f’dawn l-aħħar sentejn f’dan ir-raħal. Proġetti li b’kollox jaqbżu l-€5 miljun ewro. Din il-figura minnha nnifisha turi l-bżonn kbir li kien hawn f’dan il-qasam. Illum dawn il-proġetti għamlu differenza kbira fil-ħajja tar-residenti Mqabbin u ta’ dawk kollha li jiffrekwentaw dan ir-raħal.”
L-investiment ta’ €2.5 miljun hu maqsum f’€1.3 miljun permezz tax-xogħlijiet li saru fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija u €1.2 miljun għax-xogħlijiet li saru fi Triq il-Belt Valletta, magħrufa wkoll bħala Triq l-Imqabba.
Triq il-Belt Valletta qabel ma kinitx sigura b’mod speċjali għal min jimxi fiha. Issa din it-triq tinkludi passaġġ għall-mixi ta’ 750 metru. Ġew miżrugħa wkoll siġar u arbuxelli għal dehra isbaħ, dawl dekorattiv u sistema ta’ irrigazzjoni mqabbda ma’ reservoir taħt l-art ta’ 60,000 litru. Saru wkoll xogħlijiet ta’ servizzi taħt l-art.
Fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, l-aġenzija tejbet is-sigurtà tal-konnessjonijiet tagħha ma’ diversi toroq residenzjali fiċ-ċentru tal-Imqabba bl-introduzzjoni ta’ roundabout junctions f’salib it-toroq u ta’ miżuri oħra li jgħinu fit-tnaqqis tat-traffiku.
Ritratti: DOI