Investiment Ta’ €2 Miljun F’Padiljun Tal-Handball Li Mistenni Jkun Lest F’Nofs Din Is-Sena

 Investiment Ta’ €2 Miljun F’Padiljun Tal-Handball Li Mistenni Jkun Lest F’Nofs Din Is-Sena

Sa nofs din is-sena se jkun lest il-Padiljun tal-Handball li x-xogħol fuqu għaddej bħalissa b’investiment ta’ €2 miljuni u għalhekk se jkun proġett ieħor li twettaq mhux biss għall-isportivi lokali, imma wkoll biex jilqa’ fih logħob internazzjonali.

“L-impenn tagħna f’dan is-settur, wegħednieh u qed inwettquh”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima meta żar ix-xogħol li għaddej fuq dan il-padiljun. “Din hija faċilità oħra sportiva li se tkun fuq speċifikazzjonijiet internazzjonali u għalhekk tiżdied mal-kullana ta’ faċilitajiet li lestejna għal dan il-livell, jew bnejna fuq livell internazzjonali”, qal il-Ministru Grima.

Ix-xogħol beda f’April tas-sena li għaddiet u għaddej b’ritmu mgħaġġel, tant li bħalissa qed titlesta l-istruttura tal-ħadid filwaqt li din il-ġimgħa stess se jibda jitpoġġa f’postu l-panelling li jgħatti din l-istruttura u wkoll jitpoġġew f’posthom l-aperturi kollha.

Il-padiljun, li huwa ta’ iktar minn 1,000 metru kwadru u għandu spazju għal mitt spettatur, se jkun l-ewwel kumpless f’Malta li nbena speċifikament għal din it-tip ta’ dixxiplina sportiva. Din il-faċilità qed tinbena fuq outdoor court li kien jagħmel parti mill-iskola sekondarja tal-bniet, magħrufa bħala Maria Assumpta. Se tinkorpora court full size tal-handball li jista’ jintuża kemm għat-taħriġ u biex jospita l-logħob lokali.

Il-Gvern se jinvesti wkoll biex ikun hemm faċilitajiet ta’ changing rooms u showers li jikkumplimentaw din il-faċilità li se tagħmel parti mill-Kumpless Sportiv ta’ Maria Assumpta, u b’hekk tingħaqad mal-Akkademja tal-iSnooker, il-grawnd tal-futbol u faċilitajiet oħra li SportMalta qed taħdem fuqhom u li se jiżdiedu fi ħdan din il-faċilità.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar, qal li SportMalta qed taħdem bis-sħiħ biex tkompli ttejjeb l-infrastruttura sportiva u matul din is-sena se tkompli tinvesti kemm f’aktar faċilitajiet sportivi u fl-atleti sportivi kollha.

Alan Grima qal li l-Malta Handball Association dejjem stinkat biex ittejjeb il-livelli differenti tal-handball lokali. “Is-sala l-ġdida tal-handball fil-Ħamrun li għandha żona tal-logħob ta’ daqs internazzjonali se tgħinna niksbu aktar żvilupp. Se tagħti l-opportunità lill-klabbs tagħna biex iżidu s-sessjonijiet ta’ taħriġ ta’ kull ġimgħa u lit-timijiet nazzjonali tagħna biex jitħarrġu b’mod aktar regolari matul is-sena. Din is-sala se tospita wkoll xi logħbiet mill-kompetizzjonijiet nazzjonali tagħna tal-handball u se sservi bħala ċ-ċentru fejn plejers żgħażagħ ġodda jkunu attirati għal-logħba li hija waħda mill-għanijiet strateġiċi ewlenin tal-assoċjazzjoni”.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com