Investiment Ta’ €6.5 Miljun Fis-Settur Marittimu

 Investiment Ta’ €6.5 Miljun Fis-Settur Marittimu

Fl-aħħar disa’ snin, ir-Reġistru Malti kważi rdoppja t-tunellaġġ reġistrat, ħabbar il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Mużew Marittimu, il-Birgu.

Il-Ministru Ian Borg semma li fl-2012 kien hemm ftit aktar minn 45 miljun tunellata reġistrata u sal-aħħar tal-2020 dawn telgħu għal aktar minn 86 miljun tunellata. Qal li sal-aħħar tas-sena 2021, in-numru ta’ bastimenti reġistrati taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili, kien ta’ kważi 9,300 bastiment li bħala tunellaġġ jammontaw għal aktar minn 86.1 miljun. Dan ifisser żieda ta’ 2.2% fuq Diċembru tas-sena 2020.

“Minn din l-attività biss, l-awtorità Transport Malta ġġenerat €24 miljun matul is-sena li għaddiet. Dan ifisser żieda ta’ aktar min 82% fuq l-2012 li jfisser ukoll li ftit aktar minn 6% tal-flotta tal-bastimenti merkantili mondjali hija reġistrata taħt il-bandiera Maltija. Qed naraw li nkomplu nwasslu ’l quddiem dan is-settur mhux biss f’termini ta’ reġistru, li sal-lum pajjiżna kiseb riżultati pożittivi ħafna, iżda anke f’dik li hi teknoloġija. Aħna nemmnu bi sħiħ fil-potenzjal li għandha t-teknoloġija u l-bibien li kapaċi tiftaħ sabiex inkomplu nwasslu lil pajjiżna fil-quċċata u nibqgħu leaders f’diversi oqsma marittimi. Il-qasam marittimu jibqa’ parti integrali tal-ekonomija Maltija u kien għalhekk li l-gvern għażel li jadotta u jimplimenta diversi miżuri biex inkomplu niġġeneraw ammont sostanzjali ta’ investiment anċillari, introjtu sostanzjali f’munita barranija kif ukoll ħolqien ta’ diversi impjiegi ġodda. Il-gvern, b’mod speċjali l-ministeru tiegħi, huwa kommess li jkompli jibni din il-ħolqa ta’ suċċess għall-ġid komuni tal-poplu Malti u Għawdxi”.

Il-ministru ħabbar li Malta ser tibbenefika minn investiment ta’ €6.5 miljun biex tiġi implimentata sistema diġitali fil-qasam marittimu. Huwa qal li ġurnata bħal tal-lum tkompli turi li pajjiżna għandu fama internazzjonali bħala reġistru ta’ kwalità, ta’ reputazzjoni u ta’ kunfidenza.

Id-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili diġà implimenta l-ewwel proġett diġitali li ser jiddiġitalizza l-proċess tal-applikazzjonijiet ta’ aktar minn 100,000 baħri b’mod elettroniku, li ser jirriżulta f’aktar effiċjenza fl-ipproċessar ta’ dawn l-applikazzjonijiet.

L-awtorità Transport Malta qiegħda wkoll tirregola l-korsijiet marittimi organizzati mill-istituti marittimi kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna fejn għall-ewwel darba fl-aħħar xhur, l-awtorità, fi djalogu mal-industrija, żviluppat u approvat numru ta’ korsijiet għall-ekwipaġġ li jaħdem fuq jottijiet lussużi.

Fir-rigward ta’ superyachts, sal-aħħar tal-2021 kellna kważi elf jott taħt il-bandiera Maltija. Din hija żieda ta’ 16% fuq Diċembru tas-sena 2020.

Il-bandiera Maltija żammet postha bħala l-akbar reġistru merkantili fl-Ewropa u s-sitta fid-dinja. Ir-reġistru kkwalifika mal-aqwa 20 f’dik li hija l-lista l-bajda tal-Paris MOU fejn pajjiżna ġie klassifikat fis-17-il post.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com