Ir-Reġjun Tramuntana Jsellem Lil San Valentinu – Meqjum B’Għożża F’Ħal Balzan
Ir-Reġjun Tramuntana sellem lil San Valentinu li huwa meqjum b’għożża fir-raħal sabiħ ta’ Ħal Balzan; liema raħal jifforma parti minn dan ir-reġjun.
Inkiteb li dan il-korp sant kif jissejjaħ f’termini reliġjużi, kien inġab f’pajjiżna lura fl-1784. Dan kien espost għal qisma fil-Knisja parrokkjali ta’ Ħal Balzan tant li bdiet tikber id-devozzjoni lejh, liema devozzjoni għadha ħajja sal-lum.
Illum dan il-korp jinsab fuq l-altar ta’ San Mikiel.
“Għal Balzanin San Valentinu għandu post speċjali tant li Ħal Balzan huwa l-unika post f’Malta fejn għandek triq msemmija Triq San Valentin. Fl-antik il-festa ta’ dan il-qaddis kienet tiġi ċċelebrata bil-kbir f’dan ir-raħal. Għalkemm illum il-ġurnata m’għadiex issir il-festa li kienet xi darba ssir, id-devozzjoni baqgħat hemm. Fil-fatt f’Ħal Balzan l-ismijiet Valentina, Valent jew Valentino huma aktar populari milli forsi huma f’rħula oħra. xhieda tar-rabta bejn Ħal Balzan u San Valentinu”, qalilna s-Sindku tal-lokal Angelo Micallef.
Clifford Galea Vella li huwa l-President tar-Reġjun qal li r-Reġjun Tramuntana huwa determinat li jkabbar u jindokra iżjed l-identità tiegħu fejn beħsiebu jagħti promozzjoni kemm jiflaħ lill-kultura ta’ kull lokal li jifforma parti minnu.