Ir-Restrizzjonijiet Fuq It-Tiġijiet Meta Se Jitneħħew? – Id-DPM Chris Fearne Iwieġeb
Ħafna koppji qed jistaqsu dwar jekk hux ħa jkunu qed jitneħħew ir-restrizzjonijiet marbuta mat-tiġijiet.
Bla dubju ħafna koppji qed jidħlu f’ħafna aktar spejjeż, posponiment u telf ta’ depożiti minħabba li t-tiġijiet iridu jsiru bil-qiegħda. Naturalment il-maġġoranza tal-koppji jridu li jiċċelebraw din il-ġurnata speċjali b’tieġ kif jixtiequ huma, però bir-restrizzjonijiet dan qed ikun diffiċli, kif ukoll qed iqajjem dubji fost il-koppji x’ħa jkun qed jiġri fix-xhur li ġejjien hekk kif s’issa ma tħabbar l-ebda rilaxx ta’ miżuri f’dan ir-rigward.
Dan is-sentiment kien mistoqsi lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt il-programm Topik.
Huwa qal li hekk kif minn nhar it-Tnejn 7 ta’ Frar se jkunu qed jkomplu jitneħħew ċertu miżuri dawn se jkunu qed jkompli jitħabbru fil-jiem li ġejjien.
“Ħa nkunu qed nkomplu nħabbru aktar rilaxx ta’ miżuri,” tenna Chris Fearne, filwaqt li qal li diġà kif ġie mħabbar hemm pjanat li minn April jerġgħu jibdew isiru l-festi.
Il-Ministru Fearne qal li sa dak inhar se jkunu tneħħew ħafna aktar miżuri fosthom dawk marbuta maż-żmien tal-kwarantina kif ukoll it-tiġijiet.
“Iva it-tiġijiet qegħdin f’moħħna u qegħdin parti mill-exit road map. Maħniex ‘il bogħod li jekk ikomplu niżlin il-każijiet pożittivi nkunu nistgħu nħabbru ukoll kif it-tiġijiet ikunu jistgħu jirritornaw bħal qabel, bin-nies bil-wieqfa,” temm jgħid Il-Ministru Fearne.