Ir-Rilaxx Ta’ Miżuri Li Tħabbru Lbieraħ Mid-DPM Chris Fearne Fid-Dettal

 Ir-Rilaxx Ta’ Miżuri Li Tħabbru Lbieraħ Mid-DPM Chris Fearne Fid-Dettal

Id-Depu​tat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, waqt konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ qal li fid-dawl li 78% tal-adulti residenti Malta u Għawdex tlaqqmu bil-booster, u 40% tat-tfal ta’ bejn il-5 u l-11-il sena ħadu mqar l-ewwel doża tal-vaċċin, se jkomplu jonqsu l-miżuri restrittivi sabiex sal-aħħar tar-rebbiegħa jkunu tneħħew il-maġġoranza kbira tal-miżuri restrittivi.

Spjega li peress li n-numru ta’ każijiet fil-komunità qed jistabbilizza ruħu u l-każijiet fl-Isptar Mater Dei u fl-ITU huma maniġibbli, minn nhar it-Tnejn 7 ta’ Frar, se jkunu estiżi l-ħinijiet ta’ viżitaturi ta’ Mater Dei matul in-nofstanhar ta’ filgħodu. Minn nhar it-Tnejn ukoll, il-miżura restrittiva li f’dar residenzjali m’għandux ikun hemm iżjed minn 4 households se titneħħa.

Mill-14 ta’ Frar 2022, persuni li jaslu f’pajjiżna b’permess ta’ xogħol approvat “in principle” li jipprovdu residenza fissa u li huma fil-pussess ta’ ċertifikat validu tal-vaċċin, jistgħu japplikaw biex jagħmlu l-kwarantina marbuta mal-ivjaġġar fir-residenza msemmija, minflok fil-quarantine hotel skont l-istandards ippubblikati. Dan filwaqt li mill-istess jum, il-kwarantina marbuta ma’ vjaġġar għal dawk il-persuni li jaslu minn pajjiżi fil-lista l-ħamra skura u li jkunu fil-pussess ta’ ċertifikat tal-vaċċin validu, se tinżel minn 14-il ġurnata għal 10 ijiem.

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li minn nhar it-Tnejn, se jibdew ikunu rikonoxxuti ċ-ċertifikati tal-vaċċin maħruġa mill-Jordan u mill-Maldivi.

Id-Deputat Prim Ministru Fearne sostna li jekk il-previżjonijiet jibqgħu l-istess, mill-21 ta’ Frar 2022, il-kwarantina għall-primary contacts, iġifieri għall-persuni li jkunu f’kuntatt ma’ persuna pożittiva u li ma jgħixux fl-istess residenza mal-każ pożittiv, u li jkunu fil-pussess ta’ ċertifikat tal-vaċċin validu, se tinżel minn sebat ijiem għal ħamest ijiem bi swab test fl-aħħar jum li jirriżulta fin-negattiv. Dan japplika wkoll għat-tfal ta’ bejn il-5 u l-11-sena li għandhom ċertifikat tal-vaċċin, u li bħalissa jistgħu jibbenefikaw mill-kwarantina ridotta ta’ 7 ijiem bi swab test negattiv. Huwa fisser li eventwalment, il-kwarantina tal-kuntatti primarji se tinqata’, madanakollu dan isir fi żmien opportun.

Dwar it-tiġijiet, Chris Fearne spjega li mill-1 ta’ April 2022, jekk koppja tagħżel li tistieden persuni li huma fil-pussess ta’ ċertifikat tal-vaċċin validu, it-tieġ jista’ jsir għal 300 persuna bilwieqfa jew 500 persuna bilqiegħda. Dan filwaqt li l-avvenimenti bilwieqfa huma stmati li jerġgħu jkunu permessi lejn it-tieni nofs ta’ April 2022.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com