“Irid Nattiraw Setturi Ta’ Valur Għoli; Setturi Li Joħolqu Mpjiegi Mill-Aqwa Għal Uliedna” – Dr Bernard Grech
Fi djalogu taħt it-tinda minn ġewwa San Ġiljan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, stqarr kif ir-realtà tal-greylisting hija realtà li tweġġa’ lil dawk kollha li jaħdmu fil-qasam finanzjarju, u lil dawk li jinvestu fis-setturi l-iktar milquta – huma ta’ liema kulur politiku huma. Hija realtà li qiegħda tweġġa’ lill-eluf ta’ familji Maltin li jridu jaqilgħu x’jieklu minn dawn is-setturi.
Minbarra li joħroġ lil pajjiżna mill-Greylist fi żmien tliet xhur, il-PN jrid li jattira setturi ta’ valur għoli; setturi li joħolqu mpjiegi mill-aqwa għal uliedna. Fost l-oqsma ekonomiċi ġodda li l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jiffoka fuqhom hemm investimenti bbażati fuq metaverse; servizzi ta’ compliance u due diligence; il-manifattura speċjalizzata; l-ipprintjar 3D; l-applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali; l-esports; il-produzzjoni tal-video games, l-industrija tal-isports; it-tisħiħ tas-settur tal-enerġija u l-intrapriżi soċjali.
F’kull wieħed minn dawn is-setturi l-PN se jkun qed jara l-inċentivar tas-settur tal-ospitalità biex jiżdied il-valur miżjud ta’ kull settur. Il-fond ta’ biljun ewro huwa maħsub sabiex jixpruna t-twaqqif ta’ dawn is-setturi ġodda filwaqt li jgħin fit-tisħiħ tas-setturi eżistenti b’enfasi speċjali fuq l-avjazzjoni, il-manifattura lussuża, il-gaming, is-servizzi finanzjarji, il-life sciences u t-teknoloġija.
Il-Kap tal-PN stqarr kif irid li nerġgħu nagħmlu minn pajjiżna pajjiż fejn kull tifel u tifla jkunu jistgħu jilħqu l-ambizzjonijiet tagħhom. Huwa tkellem fuq ix-xewqa tiegħu u tal-PN li kulħadd jirnexxi u jilħaq il-potenzjal tiegħu. Spjega kif il-miżati kollha tal-iskola, il-miżati extra-kurrikulari, il-miżati tal-isport u l-assigurazzjoni tas-saħħa jkunu mnaqqsa mid-dħul taxxabbli. Il-PN se jkun qiegħed inaqqas ukoll it-taxxa għall-kowċis u l-artisti kollha, filwaqt li jgħin lin-nurseries jinvestu fl-istaff u l-bini tagħhom.
In-negozji u l-NGOs kollha li jilħqu l-istandards ambjentali, soċjali u ta’ governanza tajba se jibbenefikaw minn inċentivi b’saħħithom. L-NGOs se jkunu appoġġjati b’bini ġdid; in-negozji se jingħataw krediti tat-taxxa; filwaqt li s-sidien tad-djar se jieħdu rifużjonijiet tal-VAT fuq xogħlijiet li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija.
Il-Kap tal-PN Bernard Grech enfasizza li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien hemm sabiex jibni mill-ġdid il-prosperità fit-tul, sabiex ħadd ma jibqa’ lura.
Huwa temm jgħid li Gvern Nazzjonalista għandu pjan mill-aqwa bbażat fuq il-bżonnijiet ta’ Malta u Għawdex.