Is-Servizz Tal-Community Policing Estiż Għal Għawdex Kollu U Seba’ Lokalitajiet Oħra F’Malta
Is-servizz tal-Community Policing qed ikun estiż f’Għawdex kollu u f’seba’ lokalitajiet oħra f’Malta: Santa Luċija, Raħal Ġdid, San Pawl il-Baħar, Ħal Lija, L-Iklin, Ħ’Attard, u Ħal Balzan. Dan ifisser li issa dan is-servizz qed jopera fi 63% tal-ibliet u l-irħula Maltin.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega li bis-servizz tal-Community Policing qed ikollna pulizija iżjed proattivi, u iżjed qrib in-nies. Dan kollu hu inkorporat fil-viżjoni li l-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija joperaw fil-qalba tal-komunità, filwaqt li jaħdmu id f’id mas-soċjetà inġenerali.
“Irridu li f’pajjiżna jibqa’ jkollna komunitajiet siguri, u permezz tas-servizz tal-Community Policing dan kollu qed ikun sostnut”, qal il-Ministru Camilleri, filwaqt li qal li l-gvern se jkompli għaddej jinvesti fil-Korp tal-Pulizija bil-għan li Malta tibqa’ fost l-aktar pajjiżi siguri fid-dinja.
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava tkellem dwar kif is-servizz tal-Community Policing intlaqa’ tajjeb fil-lokalitajiet li minnu diġà qed jopera. Hu qal li l-pulizija qed jifhmu ferm aħjar ir-realtajiet uniċi li joffru l-lokalitajiet differenti Maltin u Għawdxin, filwaqt li anke jħares ‘il quddiem biex dan is-servizz jinfirex madwar il-pajjiż.
Il-proġett tal-Community Policing se jkompli jkun estiż madwar Malta kollha sal-2023.