Jiġi Ppreżentat Studju Dwar Id-Domanda Għax-Xogħol Fl-Industrija Tal-Avjazzjoni F’Malta
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ippreżenta studju dwar id-domanda għax-xogħol fl-industrija tal-avjazzjoni f’Malta.
Il-Ministru Ian Borg qal, “L-avjazzjoni huwa kruċjali għaliex huwa settur u niċċa ekonomika importanti li tikkontribwixxi sew għall-ekonomija tagħna u hija wkoll kruċjali fil-konnettività tagħna. Malta huwa pajjiż gżira, iżolat u allura bil-baħar jew bl-ajru huma l-modi ta’ kif inkunu magħqudin mal-kumplament tad-dinja. Għaldaqstant qegħdin nagħmlu enfasi kbira sabiex naraw li nżidu l-opportunitajiet fil-qasam tal-avjazzjoni speċjalment fi sfond ta’ pandemija. Għaldaqstant il-fatt li l-kumitat immexxi mill-perit Karmenu Vella, kien qed jaħdem sabiex ikollna, permezz ta’ rapport t’esperti anke analiżi tas-settur, il-ħaddiema li jaħdmu fih, x’tip ta’ ħaddiema, il-ħiliet u kwalifiċi li hemm bżonn biex nidħlu f’opportunatijet ġodda fl-avjazzjoni u biex nissalvagwardjaw dak li diġà għandna. Għalhekk dan kien l-ewwel pass li permezz tiegħu issa qegħdin naraw kif rridu naħdmu ma’ istituzzjonijiet edukattivi u oħrajn biex niżguraw li r-riżorsi umani jkunu hemm u nkomplu noffru karrieri li jħallsu tajjeb għaż-żgħażagħ u għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.”
Iċ-Chairperson tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Avjazzjoni Karmenu Vella qal li minn bosta laqgħat li dan il-kumitat kellu mal-istakeholders, ħareġ ċar li kien hemm bżonn li jsir studju dettaljat dwar il-qagħda tal-impjiegi fis-settur tal-avjazzjoni u kien propju dan li xpruna din l-inizjattiva. Huwa żied jgħid li abbażi ta’ dan ir-rapport, l-Aviation Advisory Committee se jkompli jaħdem b’kollaborazzjoni sħiħa mal-istakeholders kollha sabiex jiġu stabbiliti programmi ta’ ħidma li jħeġġu aktar nies jidħlu fis-settur tal-avjazzjoni.
Wieħed mill-membri tal-Kumitat Konsultativ dwar l-Avjazzjoni Joseph Galea qal li r-rapport jirrifletti l-industrija. Huwa stqarr li dak li ħareġ juri biċ-ċar li fl-aħħar tas-sena l-oħra, dan is-settur kien diġa beda jirkupra mill-pandemija iżda beda jinsab nuqqas ta’ ħaddiema u riżorsi umana biex is-settur ikompli jimxi il-quddiem. Huwa qal li bħala Ministeru u kumitat raw li jkomplu iħajjru lin-nies jidħlu f’dan is-settur.
Dan ir-rapport jikkonferma li s-settur tal-avjazzjoni sas-sena 2019 kien isostni b’mod dirett aktar minn 5,000 impjieg, b’dawk full-time jammontaw għal 97.5% tal-impjiegi kollha fis-settur b’livell ogħla ta’ edukazzjoni meta mqabbla mal-medja tal-workforce Maltija.
Finalment dan ir-rapport qed jirrakkomanda li jiġu żviluppati u estiżi skemi ta’ apprendistat sabiex aktar nies jithajru jibdew karrieri fis-settur tal-avjazzjoni.
Ritratti: DOI