Jiġu Installati L-Ewwel Frequency Converters Tal-Grand Harbour Clean Air Project
L-aġenzija Infrastructure Malta installat l-ewwel tliet frequency converters bħala parti mill-Grand Harbour Clean Air Project.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg, waqt żjara li saret fis-sit fejn jinsabu installati dawn il-frequency converters.
Il-Ministru Ian Borg qal li, “dan tal-lum hu pass ieħor importanti ħafna, kemm għal dan il-proġett, però, aktar minn hekk, huwa pass ieħor ‘il quddiem għal pajjiżna f’dik li hi sostenibbiltà u viżjoni ambjentali. Dan il-Gvern għaraf id-dinamiżmu li joffri l-Port il-Kbir għal pajjiżna, u għaldaqstant se nkunu qegħdin nutilizzawh bl-aħjar mod possibbli sabiex inkomplu nagħmlu passi ta’ ġgant f’dik li hija mixja favur ambjent nadif u pulmun ħadrani. B’kollox 17,000 familja se jibbenefikaw minn arja aktar nadifa bis-saħħa ta’ dawn il-frequency converters, li se jikkonvertu l-elettriku għall-provvista tal-cruise liners u bastimenti li jkunu irmiġġjati fil-Port il-Kbir, u b’hekk innaqsu 90% mit-tniġġis tal-arja tagħhom.”
B’kollox, il-proġett se jkun qed jinkludi erba’ frequency converters.
Ritratt: DOI