Jindarab Gravi Wara Li Intlaqat Minn Karozza Li Ħarbet Minn Fuq Il-Post F’Ħal Balzan
Raġel sofra ġrieħi gravi f’allegat hit-and -run li seħħ għall-ħabta tas-sitta ta’ dalgħodu, fi Triq il-Wied, Ħal Balzan.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet li ġew infurmati li kien hemm raġel ferut u kellu bżonn l-assistenza medika.
Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett, fejn mill-ewwel stħarriġ irriżulta li r-raġel sofra xi ġrieħi wara li allegatament intlaqat minn vettura li telqet minn fuq il-post.
Issejħet ambulanza, fejn ir-raġel ingħata l-għajnuna minn tim mediku u wara ttieħed l-isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin sabiex tinstab il-vettura li allegatament laqtet lir-raġel, filwaqt li nħatret inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Dr. Claire Stafrace Zammit.