Jingħataw L-Ewwel Servizzi Miċ-Children’s House
Bdew jingħataw l-ewwel servizzi miċ-Children’s House, post li qed iservi sabiex it-tfal jixhdu f’post sigur, f’ambjent aktar adattat minn dak tal-Qorti, fejn ikun hemm tensjoni u pressjonijiet żejda.
Iċ-Children’s House bdiet topera s-servizzi kollha tagħha b’effett minn Jannar ta’ din is-sena bħala parti mir-riformi li daħlu fis-seħħ permezz tal-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal. It-Tlieta waranofsinhar il-Ministru Michael Falzon żar din id-dar, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti, u d-Direttur Steve Libreri.
Id-Dar tat-Tfal qed tħares l-interessi u l-benesseri tat-tfal fil-kamp ġudizzjarju, u tipprova tassisti l-Qrati u l-korpi investigattivi skont l-eżiġenzi tagħhom, mingħajr ma titfa’ piż zejjed fuq it-tfal. Malta qed timxi mal-mudell Barnahus fl-Iżlanda u tal-Alliance for Children tal-Istati Uniti, sabiex minuri illi huma vittmi ta’ vjolenza, jew huma xhieda ta’ vjolenza, jistgħu jagħtu x-xhieda tagħhom f’post sigur u tajjeb għalihom.
Il-Ministru Michael Falzon spjega li apparti l-estetika, li hi importanti, id-Dar tat-Tfal tinvesti wkoll fi proċess speċjalizzat illi jservi sabiex dawn il-minuri jirċievu s-sapport biex jiftakru l-memorji tagħhom. Professjonisti speċjalizzati fl-intervisti mat-tfal jiltaqgħu mat-tfal fid-Dar tat-Tfal u jagħmlulhom mistoqsijiet illi huma intiżi biex jgħinu lit-tfal jiftakru episodju, jew episodji, fejn huma sfaw vittmi ta’ vjolenza, jew raw vjolenza fuq ħaddieħor.
Intant, il-professjonisti llum jaħdmu bir-reqqa sabiex l-awtoritajiet ikollhom dak illi għandhom bżonn, mingħajr ma tintefa’ pressjoni żejda fuq it-tfal. Dan jieħu forom varji, speċjalment dwar il-mod illi jsiru l-mistoqsijiet u jieħdu inkunsiderazzjoni l-età u l-istadju ta’ żvilupp tal-minuri, u ma jintużax kliem tqil jew problematiku għal tfal żgħar.
L-interviews mat-tfal li jkunu qed isegwu l-Imħallef u professjonisti oħra jiġu rrekordjati fid-dettall permezz tat-tagħmir li jirrekordja filmati. Dan sabiex l-investigaturi jew il-ġudikatura tista’ tirrelata mal-video, minflok toqgħod ittella’ lill-minuri jixhed għal aktar drabi. L-intenzjoni hi li nnaqsu l-konverżazzjonijiet mat-tfal.
Il-Qorti tal-minorenni diġà għamlet użu minn din id-Dar u użat il-proċess sabiex il-minuri jixhed fid-Dar minflok in camera fil-binjiet tal-Qorti. L-istess proċess intuża diversi drabi mill-pulizija u miċ-Child Protection Services, u l-filmati ta’ dawn l-interviews qed jintużaw regolarment mill-Qorti Kriminali.