Johann Grech U L-Malta Film Commission Jiġu Deskritti Bħala “Tumur” Għall-Industrija Tal-Films Lokali

 Johann Grech U L-Malta Film Commission Jiġu Deskritti Bħala “Tumur” Għall-Industrija Tal-Films Lokali

“Kliem inaċċettabbli,” din kienet ir-reazzjoni tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech, wara kummenti li deheru fuq il-paġna ‘maltacrewstories’ fuq Instagram aktar kmieni llum.

Jidher li fuq din il-paġna nkiteb li hemm ħafna nies fl-industrija tal-films lokali li jixtiequ jgħidu l-istorja tagħhom. “Johann u l-Malta Film Commission huma t-tumur ta’ din l-industrija,” inkiteb mill-persuna jew persuni li jmexxu dan il-profil.

Johann Grech permezz tal-mezzi soċjali tiegħu qal li din il-mibegħda tkisser dak kollu li nemmnu fih aħna, “kemm bħala industrija tal-films u t-televiżjoni, u anke bħala pajjiż.”

“Li tgħajjar lil xi ħadd bi kliem inuman bħal ‘tumur’ hija xi ħaġa tal-biża,” kompla jgħid il-Kummissarju tal-Films.

Grech temm jgħid li opinjonijiet differenti jeżistu, “però qatt m’għandhom jinżlu għal livell daqshekk baxx u diżgustanti.”

Jidher li dan il-kumment tneħħa minn fuq din il-paġna u ntalbet skuża jekk ġie offiż xi ħadd bil-kelma “tumur.”

Il-paġna ‘maltacrewstories’ qalet li dawk li ħassewhom offiżi għandhom jiffokaw ir-rabja tagħhom fuq il-fatt li ntefqu €2 miljun mingħajr kontroll ta’ xejn.

Huma temmew jgħidu li jekk Johann Grech jgħid kif il-Malta Film Commission nefqet dawn il-flus kollha din il-paġna tkun imħassra għal dejjem.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com