“Kull Meta Mmur Nagħti D-Demm Inħossni Kuntenta U Kburija Li Tajt Sehemi…” – Josette Agius
Josette Agius ta’ 58 sena matul din il-ġimgħa tat id-demm għal 25 darba. Hija bdiet tagħti d-demm propju 15 il-sena ilu wara diversi sejħiet fil-media li hemm bżonn tad-demm.
“Fil-verità jien nibża’ ħafna. Fl-aħħar għamilt il-kuraġġ u mort nagħti l-ewwel darba,” qalet Josette ma’ stradarjali.com.
Komplejna nitkellmu magħha dwar kif bdiet din l-esperjenza tant sabiħa u qaltilna li kienet tgħid li hi l-aktar li tista’ tagħmel biex tgħin u li tagħti borża demm. “U min dak in-nhar bqajt immur regolari ħlief meta ġieli kont nkun ma’ niflaħx jew minħabba safar f’pajjiżi bħal Vietnam, Malasyia u l-Indoneżja,” kompliet tgħidilna Josette.
Mistoqsija għaliex tibqa’ tmur tagħti d-demm qaltilna, “Kull meta mmur inħossni kuntenta u kburija li tajt sehemi.”
Josette temmet tgħidilna li hi tħeġġeġ lil dawk kollha li għandhom ix-xewqa li jagħtu d-demm imma jibżgħu, biex jagħmlu kuraġġ. “Wara kollox illum qed nagħti jien u għada jaf niġi bżonn jien u nkun nixtieq lil min jgħin lili.”
Tkellimna wkoll ma’ Tony Micallef mis-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm fejn qalilna li iktar minn 40% tad-donazzjonijiet tad-demm jintużaw għall-pazjenti morda bil-kanċer.
Tony Micallef qalilna li quddiem dan il-persentaġġ hekk għoli ta’ użu ta’ prodotti tad-demm minn dawn il-morda, fosthom, il-konċentrat taċ-ċelloli l-ħomor u l-pjastrini, ikompli jħeġġeġ biex isiru iktar donazzjonijiet b’mod regolari.
Tajjeb li propju llum, fil-Jum Dinji tal-Kanċer wieħed jitħajjar sabiex jersaq u jagħmel donazzjoni ta’ borża demm li tkun tfisser ħafna.
Iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa li jiftaħ kuljum mit-8:00am sas-6:00pm.
Nhar il-Ħadd li ġej fil-Pjazza tan-Naxxar mit-8:30am sas-1:00pm se jkun hemm ukoll il-Mobile Blood Donation Unit.