L-Awtorità Tal-Ippjanar Bi Proġett Ta’ Spazju Miftuħ Ġdid F’Ħal Farruġ
Spazju miftuħ f’Ħal Farruġ biswit il-housing soċjali se jkun qed jingħata dehra ġdida b’investiment mill-Awtorità tal-Ippjanar. Dan tħabbar dalgħodu mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, fil-preżenza taċ-Chairperson tad-Development Planning Fund (DPF) il-Perit Vince Cassar, u tas-Sindku ta’ Ħal Luqa John Schembri.
Il-Ministru Farrugia spjega li ż-żona residenzjali ta’ Ħal Farruġ taf il-bidu tagħha madwar erbgħin sena ilu u li dan l-aħħar inħasset il-ħtieġa li jsir xogħol ta’ tisbiħ, permezz ta’ infrastruttura ħadra, fi pjazza pubblika li tinsab f’din iż-żona, li hija r-residenza ta’ bosta familji.
Huwa qal li dan huwa t-tielet proġett ta’ infrastruttura ħadra li tħabbar din il-ġimgħa fil-qalba ta’ fejn in-nies jaħdmu u jgħixu, u li s-sabiħ ta’ dan il fond hu li qed ibiddel il-ħajja tan-nies ta’ kuljum. Huwa qal li dan huwa eżempju tajjeb ta’ kif ir-rifoma ambjentali tad-DPF qed tħalli l-frott.
Il-Perit Cassar qal li l-PA tat l-approvazzjoni tagħha biex jiġu allokati €215,000 għal dan il-proġett mid-DPF. Spjega li din il-proposta ġiet milqugħa mal-ewwel għax jidher li ż-żona kien ilha mitluqa u li b’titjib sostanzjali tkun tista’ titgawda aħjar mill-pubbliku.
Is-Sindku ta’ Ħal Luqa John Schembri rringrazzja lill-awtorità talli approvat il-fondi għal dan il-proġett li se jitgawda fuq skala nazzjonali u li se jingħata bidu fil-ġimgħat li ġejjin.