“L-Elezzjoni Dejjem Tibda Xejn B’Xejn…Hemm Bżonn Li Nibqgħu Nisimgħu Lin-Nies” – Il-PM Robert Abela
“Dak li ksibna s’issa huwa biss il-bażi biex inkomplu iżjed. Mingħajr in-nies, dan il-moviment ma huwa xejn. Huma n-nies li jagħtuna s-saħħa biex immexxu u t-tmexxija ta’ dan il-pajjiż trid tkun iffukata fuq in-nies.”
Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela dalgħodu f’attività politika fl-Imqabba.
“Stennew l-Oppożizzjoni jitkellmu aktar fuq il-passat. Dak jagħmlu min m’għandux x’joffri fil-futur iżda l-aktar bżonn li għandu pajjiżna llum hu li nitkellmu dwar il-futur tiegħu. Qegħdin hawn biex nibnu ‘l Malta li rridu għal uliedna.”
Il-Prim Ministru qal ukoll kif biex iġġib il-bidla pożittiva fil-ħajja tan-nies ta’ kuljum, dejjem irridu naħdmu flimkien b’għan wieħed. “Li twettaq il-bidliet, ir-riformi biex ittejjeb il-qagħda tal-familji, tan-negozji u toffri futur aħjar lil kulħadd, ġej mil-liema faxxa ġej fis-soċjetà tagħna. Inħarsu ‘l quddiem lejn ġimgħat sbieħ fejn se nkomplu nneħħu aktar restrizzjonijiet bl-akbar responsabbiltà sabiex ngħixu f’aktar normalità.”
Robert Abela spjega wkoll kif il-prijorità sa ftit tax-xhur ilu kienet fuq is-saħħa u li nipproteġu l-ekonomija. “Hekk kienet titlob il-prijorità ta’ dak il-mument. Imma ma waqafniex hemm. Tlaqna fuq programm ambizzjuż ta’ riformi. Tlaqna mill-prinċipju ewlieni li l-għatx tagħna kien li nibqgħu nirrikonoxxu r-realtajiet ta’ kulħadd. Issa, il-futur tal-pajjiż huwa mibni fuq l-aspirazzjonijiet tagħna.”
Huwa saħaq ukoll kif dan il-ħsieb kien imnebbah biex komplejna ninvestu 70 miljun ewro fin-nies. “Stajna għalaqna għajnejna imma għax dejjem konna sensittivi għan-nies, ħassejna li għandna nappoġġjaw lin-negozji u familji. M’aħna qatt se nħallukhom waħedkom. Kellna sfida wara sfida imma ma qtajna qalbna qatt…Għax ħdimna bilgħaqal fl-aħħar xhur, illum għaddew sentejn, flok qegħdin f’qagħda li nnaqqsu l-wage supplement u miżuri oħrajn, ninsabu f’qagħda li nistgħu nżidu s-sostenn f’investiment dirett fin-nies.”
B’referenza għall-kampanja ta’ qerq tal-Oppożizzjoni, strateġija ta’ Partit ankrat fil-passat, il-Prim Ministru qal ukoll kif b’reazzjoni għal dawn il-miżuri, il-Partit Nazzjonalista qal li dawn huma miżuri tal-elezzjoni.
Robert Abela qal li dan kollu sar għax qegħdin f’mument ta’ rkupru importanti. “Ħaddieħor ta l-bozoz u għolla l-prezzijiet.”
Robert Abela sostna li “dan il-partit għadu fl-aqwa tiegħu, mimli enerġija, mimli bl-ideat. U stennew li biex ikissru l-inizjattiva li biha huwa mżejjen dan il-moviment u kull inizjattiva oħra, stennew il-forzi biex ikissru lil kull wieħed u waħda minnha. Dal-forzi se jsibu moviment magħqud, kumpatt u ffukat biss fuq li jagħmel il-ġid għal pajjiżna…Konna u se nibqgħu l-aktar pajjiż fl-Ewropa li għenna lin-nies għax aħna tan-nies u man-nies.”
Il-Prim Ministru tenna l-appell li l-elezzjoni dejjem tibda xejn b’xejn u l-importanza li nibqgħu nisimgħu lin-nies.
Huwa tenna li, “hemm min qed iħoss li ma smajniehx biżżejjed. Aħna magħkom u għidulna fejn nistgħu ngħinukom aktar.”
“Dan il-moviment se jibqa’ umli u konsistenti. Magħna n-nies jafu fejn qegħdin. Mhux biss in-nies jafu magħna fejn qegħdin imma jafu li aħna magħhom biex nibnu pajjiż isbaħ, aħjar li jkompli joħloq opportunitajiet, bbażat fuq l-għaqda mhux il-firda, li jwarrab il-partiġġjaniżmu u l-ħtieġa li nibnu fuq it-tajjeb, pajjiż li jrid it-tmexxija soda, pajjiż li fuq kollox jixraq lil uliedna. Insejjaħ lilkom ilkoll biex tingħaqdu magħna. Iva rridu naħdmu flimkien. Kull wieħed u waħda minnha jrid jingħaqad biex ikompli jagħmel il-ġid. Ħadd ma jista’ jwaqqafna fit-twettiq tal-aspirazzjonijiet tagħna. Flimkien nistgħu nkomplu nibnu dak li s’issa ma bnejniex flimkien,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela fid-diskors tiegħu.