L-Ewwel Kumpanija Bbażata F’Malta Li Tiġi Kkwotata Fuq L-Akbar Stock Exchange Elettronika Fid-Dinja
Trust Stamp hija l-ewwel tech start-up ibbażata f’Malta li ġiet ikkwotata fuq in-NASDAQ, fejn il-Malta Enterprise kienet kruċjali biex din tkun l-ewwel kumpanija Maltija li tiġi inkluża fl-akbar suq elettroniku fid-dinja.
Dan ħabbritu l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli waqt żjara li tmexxiet mill-Kap Eżekuttiv u l-ko-fundatur ta’ Trust Stamp Gareth Genner.
Trust Stamp tipprovdi sistemi ta’ sigurtà bbażati fuq l-identità tal-persuni, abbażi tal-bijometrika li hija mifruxa fl-Amerika, fl-Ewropa, fl-Asja u fl-Afrika.
Il-prodott li toffri Trust Stamp juża t-teknoloġija u l-intelligenza artifiċjali biex banek u istituzzjonijiet oħra jkunu jistgħu jivverifikaw il-kredenzjali tal-klijenti. Dan anke filwaqt li bl-istess teknoloġija li qed tiġi rriċerkata u żviluppata f’Malta, tintuża minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħal MasterCard.
“L-istorja ta’ Trust Stamp hija wkoll eżempju tal-impenn li għandna sabiex noħolqu u niżviluppaw niċeċ ekonomiċi ġodda f’setturi moderni sabiex l-ekonomija tagħna tkompli tiddiversifika u tissaħħaħ. Setturi li jsibu fejn jimirħu f’Malta u jkollhom storja ta’ suċċess, biex b’hekk inkomplu noħolqu u nipprovdu aktar opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema tagħna”, qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Hija kompliet tgħid li minkejja ċ-ċokon ta’ Malta, pajjiżna għandu l-potenzjal li jattira investiment fl-iżvilupp ta’ startups bħal Trust Stamp.
L-appoġġ finanzjarju ta’ Malta Enterprise, permezz ta’ skemi u inċentivi, kien kruċjali sabiex din il-kumpanija tikber u tinvesti madwar €3.5 miljun fl-ekonomija Maltija fl-aħħar sena u nofs. Fit-tliet snin li ġejjin din il- kumpanija se tkun qed tinvesti €6 miljun oħra filwaqt li tkabbar il-preżenza tagħha f’pajjiżna hekk kif se tkun qiegħda timpjega 50 persuna oħra fl-uffiċini tagħha f’Malta.
“Il-mixja sabiex Trust Stamp waslet san-NASDAQ hija wkoll riżultat tal-ekosistema f’Malta u l-klima ekonomika u politika ta’ pajjiżna li joffru stabbiltà u serħan il-moħħ lill-investituri barranin”, żiedet tgħid il-Ministru Dalli.
Fid-diskors tiegħu l-ko-fundatur Gareth Genner tkellem dwar kif il-kumpanija waslet għad-deċiżjoni li twaqqaf il-bażi Ewropea tagħha f’pajjiżna u esprima r-ringrazzjament tiegħu lill-Gvern Malti u lill-Malta Enterprise, li huwa jakkreditahom bħala fattur fis-suċċess tal-kumpanija.
“Il-fiduċja u l-investiment tagħkom fil-viżjoni tagħna, f’mument li kien tant kritiku għall-kumpanija tagħna, għenu biex is-suċċess tagħna jkun possibbli, u nistennew bil-ħerqa li nkomplu naħdmu magħkom hekk kif inkomplu nkabbru Trust Stamp u nkomplu ninvestu fl-ekonomija Maltija”, qal is-Sur Gareth Genner.
NASDAQ hija l-akbar stock exchange elettronika fid-dinja li permezz tagħha investituri jkunu jistgħu jinvestu f’aktar minn 3,500 kumpanija li huma fost l-akbar fid-dinja. Biex kumpanija tiġi aċċettata fuq in-NASDAQ irid ikollha kapital ta’ aktar minn $2 miljun, aktar minn 100,000 sehem f’idejn il-pubbliku, u valur ta’ assi ta’ aktar minn $4 miljun, fost oħrajn. Fuq in-NASDAQ jiġu nnegozjati madwar 4 biljun sehem f’dawn il-kumpaniji kuljum, b’valur medju ta’ aktar minn $300 biljun.
Ritratt: DOI