L-MUT B’Rapport Lill-Pulizija Dwar Tixrid Ta’ Kliem Ta’ Mibegħda U Inċitament Ta’ Vjolenza Kontra Edukaturi
L-MUT dalgħodu għamlet rapport mal-Kummissarju tal-Pulizija dwar allegat hate speech u inċitament ta’ vjolenza kontra edukaturi partikolari.
Fi stqarrija l-MUT qalet li dawn il-kummenti dehru fuq il-mezzi soċjali taħt paġna tal-aħbarijiet fis-sigħat li għaddew. Hija qed titlob investigazzjoni flimkien ma’ azzjoni sabiex l-edukaturi msemmija jiġu protetti.
L-MUT qalet ukoll li mhux qed tirriproduċi dak li nkiteb sabiex ma tagħmilx aktar ħsara bit-tixrid tal-kliem ta’ mibegħda, iżda screenshots bid-dettalji kollha ntbagħtu lill-Kummissarju tal-Pulizija.
L-MUT saħqet li qed tiġi attakkata fuq il-mezzi soċjali fuq bażi regolari kull meta tiddefendi d-drittijiet tal-edukaturi u sa issa qatt ma ħadet azzjoni bil-Pulizija.
“Biss, hate speech u inċitament ta’ vjolenza dirett fuq edukaturi ma jistax jiġi ttollerat u l-każijiet li l-MUT tkun infurmata bihom mill-membri jiġu rrappurtati lill-Pulizija immedjatament,” temmet tgħid l-Union tal-Għalliema.