L-OCVO Jniedi L-Premju Annwali ‘The Victor Calvagna Child Volunteer Of The Year’
Il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji Jesmond Saliba ħabbar li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji (OCVO), se jkun qiegħed iniedi l-Premju Annwali ‘The Victor Calvagna Child Volunteer of the Year’.
Saliba kien qed jitkellem waqt attività li saret fil-kwartieri tal-Fgura United Football Club, li semma’ s-sala tiegħu għat-Tabib Calvagna.
Jesmond Saliba rrimarka kif il-kirurgu u ko-fundatur ta’ Puttinu Cares Victor Calvagna, kien ta’ “ispirazzjoni għal min jaħdem qatigħ fil-volontarjat.” Saliba kompla jgħid li l-ħsieb wara din l-inizjattiva huwa li l-ispirtu ta’ Victor Calvagna mhux biss jibqa’ ħaj f’kull tifel u tifla li kkura, iżda dan il-legat jagħtina s-saħħa biex nibqgħu niċċelebraw il-ħajja ta’ Victor Calvagna, fi Premju Annwali Nazzjonali li jippremja lil tifel jew tifla ta’ bejn is-6 u 12-il sena għall-ħidma tagħhom fil-volontarjat.
Huwa spjega li hawn ‘il fuq minn 960 għaqda volontarja li b’xi mod huma nvoluti f’ħidma diretta mat-tfal jew għat-tfal.
Saliba kkonkluda jgħid li “kull min jaħdem fil-volontarjat f’pajjiżna jirrikonoxxi l-ħidma, l-impenn, il-qalb u dak kollu li intiseġ ma’ ħajjet Dr Calvagna fil-ħidma tiegħu.”
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Permanenti Matthew Vella saħaq kif Victor Calvagna tana ħolma li llum bdiet it-triq biex din tkun żviluppata. “Iż-żerriegħa ta’ Dr Calvagna hija waħda ta’ kollaborazzjoni u djalogu biex it-tfal ikunu fiċ-ċentru tal-ħidma tas-settur volontarju.” Vella kkonkluda jgħid li permezz ta’ dan il-Premju, l-OCVO qiegħed jgħaqqad l-aspett volontarju ma’ dak edukattiv.
Min-naħa tagħha, Martina Fenech, qalet kif li kieku ma kienx għal Dr Calvagna kieku hi mhiex qiegħda titkellem illum. “Victor Calvagna ħalla mpatt kbir. Calvagna ma kienx biss konsulent imma kien tan-nies, xi ħaġa li rawwem fit-tfal li magħhom huwa ħadem qatigħ”, kompliet Fenech. Hija żiedet tgħid li dan ir-rikonoxximent se jgħin biex inrawmu aktar valuri sodi fit-tfal tagħna u minnhom se jkunu ispirati l-ġenituri biex jinkludu lil uliedhom fis-settur tal-volontarjat.
Għal dan il-għan, il-Kummissarju Saliba ħatar kumitat organizzattiv li ser ikun qed jifformola f’aktar dettal dan il-premju u l-għażla tar-rebbieħ se tkun magħżula minn dan il-Bord li twaqqaf speċifikament għal dan għan. Dan il-Bord se jkun qed jikkonsisti mill-Kummissarju Jesmond Saliba bħala ċ-Ċermen, is-Segretarju Permanenti Matthew Vella, l-Eks-President ta’ Fgura United u ex-kollega ta’ Calvagna Lawrence Bugeja, Martina Fenech, li ħadmet mill-qrib ma’ Dr Calvagna, Antoine Magri u Maleck Haj Moussa, kif ukoll Lourdes Sciberras, Raiza Borg Carr, Kyle Vidal u Cynthia-Ann Dako Ellul mill-OCVO.
Dan l-unur ser ikun qed jingħata bħala parti mill-Awards li l-Kunsill Malti tal-Volontarjat jagħti kull sena biex jiċċelebra il-volontarjat. Il-Kunsill kien rappreżentat minn Mauro Pace Parascandalo.