“Li Miet F’Idejna Nħossni Kuntenta Ħafna, Għax Ħassejt Qalbu Sal-Aħħar Tħabat Ma Qalbi U Daqshekk Uġiegħ…”
“Qas naf minn fejn ser nibda…Dan il-lejl ħalliena dan l-anġlu sabiħ, ixxukjata u bla kliem…Il-Mulej isabbar lil ħutu u lill-ġenituri tiegħu.”
Kien dan il-messaġġ ta’ qsim il-qalb li kitbet il-Kunsilliera minn Ħaż-Żabbar, Angele Camilleri fuq il-mezzi soċjali tagħha, dalgħodu. Camilleri magħrufa għal għajnuna li tati lil bosta familji fil-bżonn, fejn ta’ sikwit tikteb xi post fuq il-mezzi soċjali tagħha titlob l-għajnuna tan-nies. Propju ftit tal-ġranet ilu kienet qed tiġbor donazzjonijiet u talbet lin-nies biex jitolbu għal din it-tarbija li kienet fil-bżonn.
“Li miet f’idejna nħossni kuntenta ħafna, għax ħassejt qalbu sal-aħħar tħabat ma qalbi u daqshekk uġiegħ…” dan kien wieħed mill-messaġġi li omm it-tarbija bagħtet lil Camilleri.
Angele Camilleri qalet li kull donazzjoni li ntbagħtet ser tintuża għall-funeral tiegħu, “għax qed jgħiduli l-ġenituri qas għandhom biex jagħmlulu l-funeral.”
Camilleri temmet tgħid sabiex min jista’ jgħin lil din il-familja f’dan il-mument diffiċli ħafna għalihom, għandu jagħmel dan billi jagħmel kuntatt magħha.
F’isem it-tim ta’ StradaRjali.com ngħaddu l-kondoljanzi tagħna lill-familja tat-tarbija.