Malta Flimkien – It-Tema Magħżula Tal-PL Għall-Elezzjoni Ġenerali

 Malta Flimkien – It-Tema Magħżula Tal-PL Għall-Elezzjoni Ġenerali

“Malta Flimkien biex intejbu l-ħajja tal-pensjonanti. Malta Flimkien bit-teenagers u ż-żgħażagħ isibu hawn l-opportunitajiet kollha li joħolmu. Malta Flimkien biex nagħtu spazju isbaħ lill-familji. Malta Flimkien biex in-negozju jikber aktar. Malta Flimkien biex il-ħaddiem ikollu kwalita’ ta’ ħajja aħjar. Malta Flimkien. Il-Futur Sabiħ.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela waqt id-diskors tiegħu f’attività politika fil-Furjana fejn ħabbar id-data tal-elezzjoni ġenerali wara diversi spekulazzjonijiet li saru tul dawn l-aħħar ġimgħat.

“L-għażla li se jkollkom quddiemkom fis-26 ta’ Marzu trid tkun għażla favur Għawdxin u Maltin li jaħdmu flimkien. Għax meta Malta taħdem flimkien ma hemm xejn li hu impossibbli…Għalhekk nemmen li wasal il-mument li niġi għandkom bħala Prim Ministru u nitlobkom il-fiduċja għall-ewwel mandat tiegħi mingħand il-Maltin u l-Għawdxin kollha,” tenna l-Mexxej tal-PL Robert Abela quddiem folla mdaqqsa sew b’kartelluni f’idejhom ikkuluriti b’kitba li tgħid, ‘Robert 2022’.

Il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid, “dak li se nippreżentawlkom mil-lum ‘il quddiem huwa l-pjan tagħna għall-futur…Pjan li rridu nippreżentawh b’għajjta waħda u b’saħħitha…Malta Flimkien”

Huwa qal li llum stess se jmur għand il-President tar-Repubblika biex ixolji l-Parlament.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com