“Malta Se Tibqa’ Konsistenti Favur In-Newtralità Ta’ Pajjiżna U L-Paċi” – Il-PM Robert Abela

 “Malta Se Tibqa’ Konsistenti Favur In-Newtralità Ta’ Pajjiżna U L-Paċi” – Il-PM Robert Abela

“Waqt li din il-kriżi tista’ tidher ’il bogħod minn pajjiżna, se tkun qed tħalli impatt fuqna wkoll iżda minkejja dan, se nonoraw l-impenn tagħna biex jinżamm il-prezz tal-enerġija b’mod stabbli.”

Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela waqt intervista fuq ONE Radio filwaqt li spjega kif aktar tard illum se jitlaqqa’ l-Kunsill Ewropew fi Brussel u li għalih se jkun hemm preżenti s-sebgħa u għoxrin stat membru, inkluż Malta.

Bl-aktar mod ċar, Dr Abela qal li l-messaġġ ta’ Malta se jibqa’ konsistenti favur il-paċi u rrimarka fuq in-newtralità ta’ pajjiżna.

Dr Abela qal ukoll kif il-Gvern jinsab infurmat li l-Maltin kollha li kienu fl-Ukrajna laħqu telqu mill-pajjiż.

Intant matul l-intervista, l-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-miżura tal-pensjonanti li se ssarraf f’żieda ta’ mhux inqas minn €15 ewro fil-ġimgħa fuq medda ta’ leġiżlatura u li f’ħames snin, kull pensjonant se jieħu mill-inqas €2,340 aktar f’butu. “Il-pensjonanti tagħna għandhom għażla ċara fis-26 ta’ Marzu bejn il-passat u l-futur. Bejn minn kontinwament investa fihom jew jekk iridux imorru lura għaż-żmien fejn il-pensjonijiet kien iffrizati u l-kontijiet jiżdiedu.”

Proposta oħra mill-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista li tkellem dwarha l-Prim Ministru hija dik intiża sabiex jiġu mgħejjuna fost oħrajn, iż-żgħażagħ li se jixtru l-ewwel propjetà tagħhom. “Din hi mizura li tinċentiva l-bżulija u l-għaqal u li f’dan il-każ se jkunu mgħejuna b’€1,000 fis-sena lill-first time buyers mill-pagament tal-loan tagħhom għall-ewwel għaxar snin.”

Il-Prim Ministru Robert Abela temm l-intervista billi esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għas-sentiment pożittiv li qed juruh n-nies għall-miżuri pożittivi li qed iwassal il-Partit Laburista waqt il-kampanja elettorali tiegħu li jwasslu għall-futur isbaħ, b’differenza mill-Partit Nazzjonalista li huwa ankrat fil-passat.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com