Malta Tniedi L-Istrateġija Tal-Politika Barranija

 Malta Tniedi L-Istrateġija Tal-Politika Barranija

Malta nediet id-Dokument ta’ Strateġija tal-Politika Barranija tagħha, li jirrifletti s-suġġerimenti u l-kummenti, wara li aktar qabel kien tnieda dokument għall-konsultazzjoni pubblika fl-10 ta’ Novembru 2021. Il-politika l-ġdida hija maħsuba biex taqdi lin-nazzjon u liċ-ċittadini tiegħu, ikunu fejn ikunu.

Il-politika barranija hija maħsuba li tiżgura u tiżviluppa relazzjonijiet bilaterali u multilaterali ta’ benefiċċju u paċifiċi mal-ġirien tagħna fl-Ewropa, fil-Mediterran u fl-Afrika, u mal-akbar numru possibbli ta’ pajjiżi li jikkontribwixxu għall-benefiċċju ġenerali taċ-ċittadini Maltin. Il-politika barranija ta’ Malta sservi wkoll biex iżżid il-prosperità u ttejjeb l-għajxien taċ-ċittadini tagħha. Flimkien ma’ partijiet interessati oħrajn, politika barranija effettiva tattira l-investiment u żżid il-kummerċ, u tappoġġja l-isforzi tan-negozji Maltin fis-swieq barranin, bl-għan li jiżdiedu l-ġid, il-prosperità u l-intrapriża f’Malta, b’investiment f’pajjiżna u lil hinn minnu.

Il-valuri tan-newtralità minquxa fil-Kostituzzjoni ta’ Malta u s-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea, li t-tnejn kienu tqiesu kontroversjali waqt l-introduzzjoni tagħhom, issa huma meqjusa bħala integrali għall-pożizzjonament ta’ Malta fuq il-front internazzjonali.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropew Evarist Bartolo qal li l-politika barranija ta’ Malta għandha taqdi l-interessi tal-pajjiż u taċ-ċittadini tiegħu, filwaqt li tippromwovi l-valuri, it-twemmin u l-identità tagħna. Biex nagħmlu dan, jeħtieġ li nkomplu ninvestu f’relazzjonijiet bilaterali u multilaterali b’saħħithom mar-reġjuni kollha tad-dinja, fi spirtu ta’ kollaborazzjoni għall-integrità, il-prosperità u l-istabbilità.

Il-Ministru Bartolo rrimarka li l-viċinat immedjat tagħna għandu jkun prijorità. Peress li gżira-stat tal-Mediterran, qal il-Ministru Bartolo, aħna mdawrin b’baħar li jista’ jifred, iżda li jista’ wkoll jgħaqqad. Ir-reġjun għaddej minn perjodu ta’ instabbilità, u t-tagħlim biex ngħixu flimkien – il-ħolqien ta’ għaqda mid-diversità tagħna – jista’ jkun l-akbar sfida taż-żminijiet li ġejjin. Malta tfittex li tkompli taqdi rwol importanti fil-bini tal-paċi u li tħeġġeġ id-djalogu, bħala sieħeb newtrali u affidabbli.

L-istatistiku Dr Vincent Marmara spjega l-eżiti ta’ stħarriġ li sar dwar il-perċezzjonijiet taċ-ċittadini Maltin dwar diversi elementi tal-Politika Barranija ta’ Malta, bħar-rwol ta’ Malta fil-politika globali, fl-UE u fil-Mediterran; in-newtralità ta’ Malta; relazzjonijiet bilaterali ma’ diversi pajjiżi; Maltin li jgħixu barra; u kwistjonijiet oħrajn. Dan l-istħarriġ ġie kkummissjonat mill-MFEA, u huwa essenzjali biex wieħed jifhem aħjar il-fehmiet u l-perċezzjonijiet taċ-ċittadini Maltin, flimkien mal-aspettattivi tagħhom mill-Politika Barranija u Ewropea ta’ Malta.

Is-Sur Christopher Cutajar, Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, qal li din il-politika tfassal il-mod kif Malta, bħala stat sovran, tkompli tiddetermina postha fid-dinja. Din il-politika mhix biss tentattiv biex titfassal strateġija waħedha, iżda tikkuntestwalizza l-eko-sistema li fiha jrid jopera l-pajjiż, ankrata sew f’sett ta’ valuri li jagħmlu minn Malta stat nazzjon konsistenti u kredibbli.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com