Malta U Spanja Jiddiskutu Sfidi Komuni Għaż-Żewġ Pajjiżi Mediterranji Membri Fl-UE
Malta u Spanja kellhom taħditiet dwar sfidi komuni bħala żewġ pajjiżi mill-Mediterran u membri tal-Unjoni Ewropea. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin, l-Unjoni Ewropea u l-Koperazzjoni ta’ Spanja, José Manuel Albares, f’laqgħa f’Madrid, affermaw mill-ġdid ir-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti bejn Malta u Spanja u qasmu kliem ta’ apprezzament għax-xogħol u għall-koperazzjoni matul il-pandemija tal-Covid-19.
Iż-żewġ Ministri kellhom taħditiet dwar l-immigrazzjoni, il-klima, l-enerġija u l-futur tal-Unjoni Ewropea. Ġie diskuss ukoll il-potenzjal li jeżisti biex tkompli tikber ir-relazzjoni bejn iż-żewg pajjiżi permezz ta’ xogħol li qed isir f’oqsma tal-kultura, tal-arti, tal-edukazzjoni, tat-turiżmu u tal-internazzjonalizzazzjoni ta’ intrapriżi Spanjoli f’Malta u viċe versa. Il-Ministru Albares ġie mistieden għal żjara uffiċjali f’Malta mill-Ministru Bartolo.
Il-laqgħa bejn iż-żewġ ministri saret waqt ġurnata ta’ ħidma organizzata mill-Ambaxxata ta’ Malta fi Spanja f’Madrid b’żewg avvenimenti li ffukaw fuq ir-reġjun tal-Amerika Latina u l-Karibew u intrapriżi Spanjoli interessati f’Malta, rispettivament. Dan seħħ b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, flimkien mal-Malta Enterprise, l-Awtorità tat-Turiżmu f’Malta kif ukoll bl-appoġġ tar-rivista Spanjola Diplomatica Exclusive.
Id-delegazzjoni Maltija kienet immexxija mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo li kien akkompanjat mis-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar.
Ritratt: DOI