“Mill-Ġdid Robert Abela Jimpika Ma’ Joseph Muscat” – Il-PN
“Robert Abela illum abbanduna s-sitt distrett biex mill-ġdid jimpika ma’ Joseph Muscat biex jikseb aktar voti minnu fuq l-istess distretti li kien ikkontesta hu.”
Din kienet ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għad-deċiżjoni li ħabbar dalgħodu l-Prim Ministru Robert Abela fl-Imqabba, li se jkun qed jikkontesta fuq il-ħames distrett.
Il-PN fi stqarrija qal li Robet Abela ukoll ser idgħajjef numru ta’ kandidati oħra li jrid jeħles minnhom, “konferma tal-ġlied intern li jeżisti fi ħdan il-Labour.”
Il-PN tenna, li l-Prim Ministru Abela illum beda d-diskors tiegħu billi qal li ma riedx jitkellem dwar il-passat. “Imbagħad qatta’ l-ħin kollu jitkellem dwar amministrazzjonijiet Nazzjonalisti tal-passat.”
“Minflok skuża ruħu talli ħeba ż-żieda skandaluża fil-paga li ta lilu nnifsu biex jaqla’ €17,000 fix-xahar, ipprova jnessi l-problemi li qed jiffaċċjaw in-nies komuni,” saħaq il-PN.
“Għal darb’oħra rrifjuta b’ras iebsa li jirrifondi dak li seraq il-Gvern tiegħu mingħand in-nies, f’serq istituzzjonalizzat fil-kontijiet tad-dawl,” tenna l-PN, filwaqt li minflok il-PL sostna li, “ċ-ċekkijiet ta’ €100 li qed jingħataw lin-nies eżatt qabel l-elezzjoni huma biżżejjed biex jittrattaw l-għoli tal-ħajja, li dejjem qed jiżdied.”