“Monte Karmeli Skada U Jrid Jingħalaq” – Julie Zahra

 “Monte Karmeli Skada U Jrid Jingħalaq” – Julie Zahra

“Din il-faċilita’ iktar qed tagħmel ħsara milli ġid lil min għandu sfidi ta’ saħħa mentali.”

Huma ħafna dawk il-persuni, li għal xi raġuni jew oħra kellhom bżonn il-kura għall-istat tas-saħħa mentali tagħhom fl-isptar Monte Karmeli, tkellmu dwar l-esperjenzi orribbli u degradanti li għaddew minnhom hemm ġew. Hemm min saħansitra kkontempla s-suwiċidju waqt li suppost qiegħed jingħata l-kura biex iħossu jew tħossha aħjar.

Dan hu l-istat veru ta’ Monte Karmeli. Sptar qadim, imneżża minn ambjent dekoruz li jirrispetta d-dinjita’ tal-pazjent fejn kuntrarjament għal kif jiġri fl-Isptar Mater Dei, il-persuni ma mhumiex separati skont il-kundizzjoni tagħhom u għalhekk jitħalltu flimkien fl-istess post. Dan mhux aċċettabbli aktar f’soċjeta’ tal-2022 fejn qegħdin suppost inkunu aktar konxji mir-realtajiet u l-isfidi tas-saħħa mentali li tista’ taffettwa lil kull wieħed minna.

Kull pazjent għandu d-dinjità tiegħu u d-dritt li jiġi ittrattat b’rispett. Hu ċar aktar minn qatt qabel li l-isptar Monte Karmeli mhux jaqdi dan l-iskop u mhux kapaċi jipprovdi trattament adegwat lill-pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali. Fuq din is-sitwazzjoni, minbarra pazjenti nfushom tkellmu wkoll l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatrija xi snin ilu, iżda liema appelli, ovvjament, waqgħu fuq widnejn torox. Monte Karmeli tħalla fi stat ta’ abbandun għad-disprament ta’ dawk il-pazjenti li jidħlu ġewwa fiha. Monte Karmeli skada u jrid jingħalaq għaliex din il-faċilita’ iktar qed tagħmel ħsara milli ġid lil min għandu sfidi ta’ saħħa mentali.

Il-kura tas-saħħa mentali trid tkun maħsuba mill-ġdid biex televa l-kwalità tal-ħajja ta’ kull min b’mod jew ieħor jesperjenzaw sfidi ta’ saħħa mentali, partikolarment pazjenti u l-familji tagħhom. Ma’ jistax ikollna poplu b’saħħtu jekk is-saħħa mentali ma’ tingħatax l-istess importanza bħall-bqija ta’ l-oqsma tas-saħħa l-oħrajn.

U hu proprju għalhekk li il-Partit Nazzjonalista wiegħed li gvern immexxi minnu ser ipoġġi l-benesseri tal-persuna, kemm dak fiżiku kif ukoll mentali fuq l-istess livell. Wegħdna b’mod ċar li Monte Karmeli għandu jingħalaq darba għal dejjem u filwaqt li nibnu sptar ġdid u modern speċjalizzat fis-saħħa mentali, u integrat f’Mater Dei, nittrasfromaw is-sit fi spazju miftuħ pubbliku.

Irridu wkoll kampanja edukattiva sostnuta biex negħlbu darba għal dejjem l-istigma soċjali. Wegħdna li nsaħħu l-Kummissarju tas-Saħħa Mentali u noħolqu konsultazzjoni attiva ma’ service users u NGOs, indaħħlu l-kunċett tas-servizzi psikjatriċi fil-komunità b’aktar ċentri tas-servizzi u taħriġ lit-tobba tal-familja.

Minbarra dan irridu naraw Emergency Psychiatry Team li jopera 24/7 u Mental Health Emergency Observation Unit, Day Centres għal persuni li ma jkunux jistgħu jaħdmu u sheltered housing bl-appoġġ ta’ professjonisti, inwaqqfu l-prattika ħażina li vittmi ta’ dipendenzi perikolużi jiġu rikoverati fl-isptar mentali u niżviluppaw formolarju li jaħseb għal ħtiġijiet speċifiċi tal-mard mentali u nwarrbu mediċini ġeneriċi.

Dawn il-proposti tal-Partit Nazzjonalista huma ntiżi li jżommu lill-bniedem fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li ttieħed, anki fis-settur tas-saħħa mentali.

Jiena kommessa li nibqa naħdem bla heda sabiex inwarrbu darba għal dejjem kull forma ta’ stigma u preġudizzju lejn persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali jew pazjenti tas-saħħa mentali u naħdem bla waqfien biex titkattar kultura ta’ rispett u dinjita’ lejn kull min ikollu bżonn din il-kura għaliex b’hekk biss nistgħu nassiguraw li kull pazjent jingħata t-trattament li għandu bżonn, f’waqtu.

Għalhekk pajjiżna jeħtieġ riforma urġenti fil-kura tas-saħħa mentali, għaliex kull persuna jistħoqqlu preżent u futur b’saħħtu, għalih u għal ta’ madwaru.

Julie Zahra – Kandidata tal-PN għall-elezzjoni ġenerali fuq ir-4 u t-8 distrett.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com