Moska U L-Kremlin Jiċħdu Li R-Russja Qed Tipprepara Biex Tinvadi L-Ukraina

 Moska U L-Kremlin Jiċħdu Li R-Russja Qed Tipprepara Biex Tinvadi L-Ukraina

Ir-Russja ġabret madwar 130,000 truppa mal-bordura/konfini tal-Ukraina u nhar il-Ġimgħa li għaddiet, l-Istati Uniti wissiet li qegħdin fuq l-għatba ta’ invażjoni.

Moska min-naħa tagħha qalet li dan mhux il-pass li jmiss għalkemm il-Kremlin jidher li qed jipprepara sew f’dawk li huma apparat mediku u militari, saħansitra anke demm f’każ ta’ bżonn.

Jekk dan li qed ikun maħsub iseħħ, ikun ifisser l-akbar agressjoni fuq art Ewropew wara numru kbir ta’ snin.

Bħalissa għaddejjin taħdidiet diplomatiċi bejn ir-Russja u l-Istati Uniti fejn ilbieraħ, is-Sibt 12 ta’ Frar kien hemm telefonata bejn Biden u Putin iżda li ma wasslet għal imkien u għall-ebda qbil.

L-Ukraina jidher li se tintuża biex il-President Russu Vladimir Putin isaħħaħ il-legat tiegħu. Dan jista’ jagħmlu biss permezz ta’ invażjoni li bla dubju twassal għall-mewt ta’ eluf ta’ ċittadini komuni, kriżi ta’ refuġjati fl-Ewropa u ovvjament, reazzjoni mill-Punent permezz ta’ sanzjonijiet fuq ir-Russja.

Ir-Russja ppreżentat numru ta’ talbiet lill-Istati Uniti, li min-naħa tagħha qed tqis li anqas biss għandha tikkunsidrahom. Dan qed taqbel miegħu wkoll in-NATO (North Atlantic Treaty Organization). Putin talab lin-NATO biex twaqqaf l-espansjoni tagħha fil-Lvant u li ma taċċettax id-dħul tal-Ukraina bħala membru tagħha. Qed jitlob ukoll li n-NATO tirriversja l-azzjoni li truppi jkunu skjerati f’pajjiżi li ngħaqdu magħha fl-1997. Dan ikun ifisser li nreġġgħu l-arloġġ lura fir-rigward ta’ sigurtà Ewropea.

Dan minkejja l-fatt, li l-Ukraina mhux se ssir membru tan-NATO kif ġieb u laħaq. Esperti Amerikani fis-settur, qalu li n-NATO min-naħa tagħha qatt ma kellha tqarreb lejn il-konfini tar-Russja daqstant.

Issa xi jmiss. irridu nistennew u naraw x’pass se jieħu bħala reazzjoni Putin. Fl-Ukraina hemm biża’ ta’ gwerra. Moska qed tiċħad. Nistennew u naraw.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com