Negozjant Malti Minn €2,000 Qed Iħallas €17,000 Biex Jimporta Kontejner Merkanzija
Ir-raġuni għalfejn il-prezzijiet ta’ bosta prodotti qed jogħla huwa minħabba ż-żieda sostanzjali fil-prezz tat-trasport.
Dalgħodu l-Viċi President tal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji Marcel Mizzi spjega dan waqt li kien intervistat fuq il-programm TVAM.
Huwa qal li minn riċerka li għamel sab li kontejner li qabel kien jiswa lin-negozjant Malti €2,000 biex jasal Malta, issa qed jiswieh €17,000.
Din iż-żieda qed tidher fl-għoli ta’ ħafna prodotti fosthom fix-xirja tal-bżonnijiet ta’ kuljum.
Mizzi qal li l-problemi bdew qabel il-pandemija, propju meta l-eks President Amerika Donald Trump għamel sanzjonijiet maċ-Ċina. Illum qed inħossu dawn il-konsegwenzi fejn bil-pandemija komplew jiżdiedu l-problemi, speċjalment fil-portijiet fejn bosta vapuri qed jispiċċaw maqbudin f’portijiet minħabba l-konġestjoni kbira li nħolqot.
Ritratt: Malta Freeport