Numru Ta’ Persuni Mħarrka Mill-Pulizija B’Rabta Ma’ Vandaliżmu U Barbeques Bla Permess
Ilbieraħ, il-Pulizija ħarrket numru ta’ persuni b’rabta ma’ vandaliżmu u barbeques li kienu qed isiru bla permess fl-Aħrax tal-Mellieħa.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li s-sezzjoni tal-Environmental Protection Unit wettqu rondi fl-inħawi tal-Aħrax tal-Mellieħa bl-iskop li titqajjem aktar kuxjenza favur l-ambjent.
Intqal li l-uffiċjali tal-Pulizija tkellmu ma’ diversi persuni li kienu fl-akwati, fejn spjegawlhom, mhux biss dwar il-liġijiet li wieħed għandu jħares, imma wkoll dwar l-importanza li l-post jinżamm fi stat nadif u sigur.
Minbarra ħsarat li allegatament saru bi skop ta’ vandaliżmu, il-Pulizija sabu numru ta’ aċċidenti seħħew meta tqabbdu nirien b’mod mhux sigur.
Fil-fatt, l-uffiċjali ħadu azzjoni mill-ewwel fejn innutaw dan it-tip ta’ periklu, u b’hekk ġie assigurat li ma ssir ebda ħsara lill-ambjent imma wkoll li titħares is-saħħa tal-pubbliku.
Il-Pulizija qalet li wieħed għandu jiftakar li l-qtugħ ta’ partijiet mis-siġar bl-iskop li jitqabdu nirien huwa illegali. Barra minn hekk li jsir barbecue f’post pubbliku huwa suġġett għal-liġijiet u permessi mill-Kunsill Lokali tal-post.
Il-protezzjoni tal-ambjent hi fost l-ogħla prijorità tal-Pulizija sabiex dan ikun jista’ jitgawda mill-pubbliku kollu b’mod sigur.