“Pajjiżna Għandu Bżonn L-Għaqda U T-Turija Ta’ Rispett Reċiproku” – Il-President George Vella

 “Pajjiżna Għandu Bżonn L-Għaqda U T-Turija Ta’ Rispett Reċiproku” – Il-President George Vella

“Elezzjoni ġenerali hija dejjem avveniment importanti fil-ħajja ta’ pajjiż demokratiku. Hija l-mument li fih iċ-ċittadini jiġu mitluba jagħżlu lil min jixtiequ jmexxilhom il-pajjiż, u jagħżlu wkoll liema politika jixtiequ li jaraw tiġi mwettqa minn min jiġi magħżul.”

Hekk kif issa bdiet il-kampanja elettorali mill-partiti politiċi l-President George Vella wassal messaġġ li fih xtaq ifakkar id-dmirijiet ta’ kull min hu involut f’din l-Elezzjoni Ġenerali, kif ukoll l-konsegwenzi li l-poplu jista’ jiffaċċja jekk dan l-eżerċizzju ma jingħatax l-importanza li tixraqlu.

Huwa qal li pajjiż demokratiku ma jitqiesx hekk biss għaliex iżomm elezzjonijiet liberi kull tant snin, iżda l-elezzjonijiet huma parti essenzjali mit-tħaddim tad-demokrazija.

“Huwa għalhekk li wieħed għandu jqis dan l-eżerċizzju bħala mument ta’ importanza kbira fil-ħajja ta’ pajjiż demokratiku.”

Il-President Vella appella lill-kandidati li se jippreżentaw irwieħhom biex jintgħażlu bħala l-mexxejja tal-poplu tagħna. “Infakkarhom biex ikunu onesti, sinċieri u trasparenti fil-wegħdiet tagħhom u li jpoġġu l-interess tal-poplu l-ewwel u qabel kollox. Inħeġġiġhom jaraw lilhom infushom bħala qaddejja li qegħdin joffru servizz lill-bqija tal-komunità bl-iskop li jintlaħaq l-ogħla livell ta’ ġid komuni u mhux mod ieħor.”

Huwa ħeġġiġhom ukoll biex fi kliemhom u fil-mezzi li jridu jużaw biex jintlaħqu l-għanijiet u l-wegħdiet, ikun ċar u tond u li ma jħalli ebda ekwivoku li jista’ jagħti lok għal sorpriżi fl-interpretazzjoni waqt it-twettiq aktar ‘il quddiem.

“Il-poplu jixraqlu l-aħjar u għandu jintwera l-ogħla rispett lejn l-intelliġenza tiegħu u lejn dik il-fiduċja li biha jafda lil min se jippreżenta l-interessi tiegħu fit-tmexxija ta’ pajjiżna,” saħaq il-President George Vella.

Fil-messaġġ tiegħu huwa qal li għandu jkun hemm moderazzjoni u rispett fil-lingwaġġ li wieħed juża matul il-kampanja elettorali. “Biex isiru l-argumenti u jiġu spjegati differenzi bejn opinjonijiet differenti, m’hemmx għalfejn kliem inġurjuż, tgħajjir, u insulti, wisq anqas akkużi bla bżonn, speċjalment jekk ikunu mibnija fuq allegazzjonijiet bla bażi.”

Il-President qal li l-poplu ddejjaq jisma’ kliem ta’ ġlied, ta’ diviżjoni u ta’ firda. “Pajjiżna għandu bżonn l-għaqda u t-turija ta’ rispett reċiproku. Nistgħu ma naqblux, imma importanti li nuru rispett lil xulxin.”

Huwa għamel appell ukoll lill-awtoritajiet regolatorji f’pajjiżna, biex f’dan iż-żmien sensittiv u delikat, iwettqu dmirijiethom bi skruplu, b’reqqa, b’imparzjalità, u bir-responsabbiltajiet kollha li ġġorr magħha l-funzjoni regolatorja li jpoġġu fuq spallejhom.

Il-President Vella temm il-messaġġ tiegħu b’appell liċ-ċittadini kollha u fakkar li dan huwa dmir u dover importanti li soċjetà demokratika tistenna minna li naqdu b’impenn u b’responsabbiltà. L-għażliet li nagħmlu llum jista’ jkollhom impatt qawwi fuq kif se niffaċċjaw il-problemi u nagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet li pajjiżna se jiltaqa’ magħhom fis-snin li ġejjin.

“Din hija għażla li trid ssir b’riflessjoni serja. Din mhix għażla dwar interessi personali, iżda għażla biex jitwettaq l-aħjar u l-aktar ġid fil-pajjiż li minnu jkunu jistgħu jgawdu u jgħixu b’mod aħjar l-akbar numru possibbli ta’ ċittadini f’pajjiżna.”

“Nixtieq li dawn il-ħsibijiet, pariri u xewqat jittieħdu bħala espressjoni sinċiera tal-ħerqa u t-tama li għandi għal pajjiż aktar hieni, aktar magħqud u aktar stabbli…Pajjiżna ma jixraqlu xejn anqas,” għalaq il-President ta’ Malta Dr. George Vella.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com