“PN Tal-Passat Kontra Kollox U Kulħadd…Jattakka Pakkett Ta’ €70 Miljun Għall-Familji” – Il-PL
“Il-Partit Nazzjonalista qed jattakka pakkett ta’ stimolu ekonomiku ta’ €70 miljun li l-Gvern qed jinvesti fin-nies. Hekk jagħmel min jaddotta politika tal-passat u jkun negattiv.”
Dan kien il-messaġġ li wassal il-Partit Laburista wara r-reazzjoni tal-PN dwar dak li ħabbar il-Gvern aktar kmieni llum.
Fi stqarrija l-PL qal li l-problema li għandu l-Partit Nazzjonalista hi li minbarra li hu negattiv, mhuwiex kredibbli.
“Dawn is-€70 miljun jingħaqdu mal-kważi €700 miljun f’wage supplement investit fin-negozji u l-ħaddiema, il-madwar €100 miljun f’vouchers u għadd kbir ta’ inizjattivi oħra fosthom dawk fil-budget approvat ilbieraħ,” saħaq il-PL.
“L-ironija hi li dawn huma kollha inizjattivi li l-Kap tal-Oppożizzjoni sejħilhom tberbiq ta’ flus,” kompla jtenni l-PL filwaqt li qal li “ironija ikbar hi li meta l-PN għolla l-kontijiet tad-dawl u l-ilma ta biss ħames bozoz.”
Il-PL temm jgħid li llum il-Gvern żamm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija u kompla jinvesti fin-nies. “Id-differenza fit-tmexxija qatt ma kienet ċara daqs illum.”