Proprjetà Pubblika Tiġi Trasferita Lill-Kunsill Lokali Tar-Rabat Biex Isir Day Care Centre

 Proprjetà Pubblika Tiġi Trasferita Lill-Kunsill Lokali Tar-Rabat Biex Isir Day Care Centre

Bi ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tar-Rabat, twittiet it-triq biex għall-ewwel darba, ir-residenti Rabtin ikollhom day care centre, ħabbar il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri. Il-Ministru ppresieda dan il-ftehim filwaqt li pprovda dettalji ta’ skema li l-Kunsill Lokali tar-Rabat ibbenefika minnha, u li permezz tagħha, issa jista’ jitwettaq il-proġett.

“Permezz tal-iskema ta’ allokazzjoni ta’ proprjetà pubblika magħrufa bħala devoluzzjoni, se jingħaddu tliet garaxxijiet mill-awtorità għal għand il-kunsill lokali biex ikunu mibdula f’day care centre, bil-possibbiltà li jiżdied garaxx ieħor, hekk kif jinsabu fi stadju avvanzat id-diskussjonijiet dwar dan. Dan it-trasferiment se jiskatta l-proġett tal-Kunsill Lokali tar-Rabat li ilu tant mixtieq mir-Rabtin,” spjega l-Ministru Schembri.

Il-Ministru pprovda dettalji dwar kif kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex raw li jibbenefikaw minn din l-iskema għall-benefiċċju tal-komunitajiet li jirrappreżentaw. Fil-fatt, sa tmiem is-sena li għaddiet, l-Awtorità tal-Artijiet irċeviet 40 applikazzjoni minn kunsilli lokali. Minn dawn l-40 applikazzjoni, 30 ġew konklużi sal-aħħar tas-sena li għaddiet. Kien hemm 24 applikazzjoni konkluża u approvata, u fuq 80% minnhom saħansitra sar ukoll il-ftehim ta’ trasferiment bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-kunsill lokali rispettiv.

“Dan il-ftehim se jwitti t-triq għal day care centre. Dan se jsir b’investiment ta’ €350,000 u iżjed minn hekk bħala residenti se tkunu qed tgawdu minn riġenerazzjoni tant mixtieqa minnkom ir-residenti ta’ din iż-żona fir-Rabat,” qal il-Ministru Schembri.

Il-binja ġdida se jkollha sala kbira mgħammra bil-faċilitajiet kollha li jippermettu biex isiru diversi attivitajiet matul il-jum.

Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus qal li bil-pass tal-lum se tibda l-ħolma li tant xtaqu r-residenti Rabtin, tant li għal bosta snin in-nuqqas ta’ day care centre kien qed iwassal biex bosta anzjani jkollhom imorru f’irħula oħra biex jattendu attivitajiet ta’ matul il-jum.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com