Putin Jiddikjara Operazzjoni Militari Biex Jinvadi Lill-Ukrajna
Il-President Russu Vladimir Putin kmieni dalgħodu permezz ta’ messaġġ irrekordjat fuq it-televiżjoni ħabbar operazzjoni militari fir-reġjun ta’ Donbas fl-Ukrajna. Din qed tkun deskritta bħala l-bidu ta’ gwerra fil-kontinent Ewropew.
Putin wissa li r-rispons ta’ Moska se jkun immedjat jekk xi ħadd jipprova jirreaġixxi jew jattakka lir-Russja.
Ftit tas-sigħat ilu ġie irrapportat l-ewwel attakk bil-missili f’diversi żoni fosthom f’Kyiv,f’ Kharkiv u f’Odesa. Ir-Russi bdew deħlin ukoll b’vetturi militari f’diversi bliet Ukreni.
S’issa ġew irrapportati diversi mwiet kawża ta’ splużjonijiet li seħħew, bl-Ukrajna tgħid li rnexxielha ġġarraf ħames ajruplani militari u ħelikopter.
Il-Parlament Ukren iltaqa’ b’emerġenza fejn iddikjara l-pajjiż fi stat ta’ emerġenza sabiex il-Gvern ikollu s-saħħa li jista’ jieħu deċiżjonijiet importanti biex jiddefendi lil pajjiż.
Eluf ta’ familji qed jaħarbu minn djarhom b’diversi nies jippruvaw jagħmlu dan permezz tal-karozza u oħrajn bil-metro, b’diversi familji jsellmu lil xulxin, b’uħud jibqgħu biex jiddefendu lil art twelidhom.
Il-Kunsill Ewropew se jkun qed jiltaqa’ iktar tard illum f’laqgħa straordinarja sabiex tkun diskussa s-sitwazzjoni u jittieħdu deċiżjonijiet kontra r-Russja. Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson sejjaħ laqgħa ta’ emerġenza wkoll illum fejn mistenni li jkun f’kuntatt mal-mexxejja tal-pajjiżi tal-G7.
Ritratti: BBC