Qabda Ta’ Aktar Minn 30 Kilo Droga – Jinstabu Mat-€300,000 Fi Flus Kontanti
Żewġt irġiel Maltin ġew arrestati b’rabta ma’ sejba ta’ madwar 34 kilo droga suspettata kannabis sabiex tkun ittraffikata, bil-valur tagħha fis-suq hu stmat li jlaħħaq madwar €700,000.
L-arresti saru wara jiem ta’ osservazzjoni fuq persuni suspettati li kienu qegħdin idaħħlu d-droga f’Malta minn Sqallija u li kien qiegħed jintuża garaxx f’Ħaż-Żebbuġ.
Tard is-Sibt filgħaxija, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU), segwew vann li kien għadu kemm niżel Malta minn Sqallija. Il-vann imbgħad daħal f’garaxx f’Ħaż-Żebbuġ u ftit wara mill-istess post ħarġu żewġ karozzi li ġew iċċirkondati mill-ewwel u ġew arrestati żewġt irġiel.
Malli l-Pulizija fetħu l-vann, instab baskett li fih kien hemm mat-€300,000 fi flus kontanti. Minħabba suspett li fil-vettura hemm kompartamenti foloz, il-Pulizija żarmaw il-ħadid u kien hawn li nstabet id-droga f’diversi boroż.
Bis-sejba ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Elaine Mercieca, li qed tmexxi inkjesta. Iż-żewġt irġiel, wieħed ta’ 39 sena u l-ieħor ta’ 36 sena qegħdin jinżammu arrestati fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana.
Huma mistennija jitressqu l-Qorti aktar tard illum, għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Natasha Galea Sciberras. Huma se jkunu akkużati b’assoċjazzjoni fit-traffikar u pussess ta’ droga mhux għall-użu personali u ħasil ta’ flus, fost oħrajn.